F’misraħ San Ġorġ, ftit ħin qabel il-ftuħ uffiċjali tal-Ispecial Olympics Malta, Ic-Chairman tal-Kumitat Organizzattiv tal-Ispecial Olympics Malta Oliver Scicluna qal li l-emozzjonijiet huma kbar wara li tara li l-avveniment qiegħed ikun ta’ suċċess.
Ic-Chairman tal-Kumitat Organizzattiv tal-Ispecial Olympics Malta qal li għalkemm iċ-ċerimonja tal-ftuħ uffiċjali hija llejla, fil-verità diġà saru numru ta’ attivitajiet żgħar li kienu ta’ suċċess ukoll.
Huwa rringrazzja lill-kumitat organizzattiv kollu li fl-aħħar xhur ħadem biex pajjiżna jasal biex ikun vetrina mhux biss għall-inklużjoni iżda wkoll għall-isports.
Rigward il-pandemija u l-isfidi li ġabet magħha, Scicluna qal li fi żmien il-Milied kien hemm numri li bdew jiżdiedu, iżda faħħar il-professjonisti mediċi li għenuhom jippjanaw dan l-avveniment.
Scicluna qal li l-messaġġ tal-Ispecial Olympics Malta mhuwiex għas-sbuħija biss, iżda biex iħalli legat biex l-organizzazzjonijiet sportivi jilqgħu aktar fi ħdanhom aktar persuni b’diżabilità b’aktar adattament aħjar.