Thursday, April 18, 2024

Xirja laħam ta’ xahar għoliet 20 fil-mija

Victor Vella
Victor Vella
Ġurnalist

Aqra wkoll

Iż-żidiet qawwija fil-prezz tal-għalf tal-annimali barra minn Malta flimkien ma’ żidiet fil-prezz tal-ġarr tal-laħam, wasslu biex il-prezzijiet tal-laħam, kemm barra minn Malta u anke f’pajjiżna jogħlew sostanzjalment. Fil-fatt f’pajjiżna xirja ta’ laħam għal xahar għoliet b’madwar 20 fil-mija jew €26. Xirja li kienet tiġi €131.83, issa qed tiġi tiswa €157.95, żieda ta’ €26.12.

Familja li tkellmet ma’ Talk.mt qaltilna li “aħna normalment il-Ħadd nieklu ikla flimkien, waqt li qisu nieklu tlett darbiet f’ġimgħa laħam, darba tiġieġ, darba oħra laħam tal-majjal u darba oħra laħam taċ-ċanġa. Il-prezzijiet għolew fl-aħħar ġimgħat. Tinħass din sew.  Tal-ħanut spiss jilmenta magħna li l-prezzijiet qed jogħlew minn barra”.

Sid ta’ ħanut tal-laħam li tkellem magħna qalilna li “ħafna tipi ta’ laħam għolew u għolew sew.  Il-prezzijiet qed jogħlew minn barra. Jilmentaw ħafna in-nies fil-ħanut għax qed jogħlew. Il-ġwież barra minn Malta għola ħafna. Anki it-trasport għola. Kif jiġu għandna bix-xogħol qed insibu li dan żdied fil-prezz.  Ċertu laħam, lanqas għadu vijabbli li ġġibu għax għola wisq. Qed naraw ukoll li ċertu nies, qed jevitaw ċertu laħam li fl-aħħar ġimgħat żdied sew fil-prezz bħal ħaruf. Għandek it-tiġieġ, li meta tqabbilhom ma’ ċertu laħam ieħor, huma ħafna inqas fil-prezz, u għandek diversi nies fosthom anzjani li aktar qed ifittxu lilhom”.

Intant sorsi qrib il-Gvern mitlubin jikkummentaw spjegaw li l-Gvern hu konxju ta’ din is-sitwazzjoni. Spjegaw li ż-żieda tal-prezzijiet ġejja minħabba li għola l-għalf barra minn Malta. Qalulna li l-Gvern qed isegwi b’mod dettaljat iż-żieda fil-prezzijiet u li għal din se jkun qed jilqa’ fil-baġit li ġej.

Sorsi qalulna li hemm diversi mod kif il-pajjiż jista’ jilqa’ għal din iż-żieda. Waqt li spjegaw li m’hemm ebda dubju li ż-żieda għall-għoli tal-ħajja se tkun qed tieħu inkonsiderazzjoni dawn il-prezzijiet, ma eskludewx għajnuna oħra għall-familji u persuni vulnerabbli. Tennew iżda li għadu kmieni biex wieħed jitkellem fuq x’se tkun l-għajnuna f’dan l-istadju.

Ekonomija

Sport