Friday, December 20, 2024

“Ħdimt kemm flaħt biex l-Ewropa tirrikonoxxi r-realtajiet ta’ gżejjer bħal Malta”

... L-MEP Josianne Cutajar dwar l-għajta tagħha favur aktar inklussività.

Brian Gatt
Brian Gatt
Ġurnalist

Aqra wkoll

“Wettaqt pressjoni fuq il-Kummissjoni Ewropea b’diversi interventi fil-kumitat għall-industrija favur suq tal-farmaċewtika li jkun aktar aċċessibbli għal kulħadd irrispettivament minn fejn ġej u mil-liema mard ibati”.

Hekk bdiet biex tgħid ma’ dan is-sit, l-MEP Josianne Cutajar hekk kif kompliet biex tispjega kif għamlet pressjoni biex dawk li jbatu minn mard rari jkollhom kura aktar aċċessibbli inkluż fejn jidħlu mediċini orfni. 

Cutajar tkellmet dwar il-ħidma tagħha fis-settur diġitali u dwar l-għajta tagħha favur aktar inklussività. Hija sostniet li t-teknoloġija għandha ttejjeb il-ħajja tal-bniedem u għalhekk il-bżonn li jitjieb l-ħiliet fuq firxa aktar wiesgħa bħalma huma l-anzjani tagħna, persuni vulnerabbli oħra jew dawk li m’għandhomx biżżejjed ħiliet teknoloġiċi biex ikunu jistgħu jieħdu servizzi online u jevitaw l-inkonvenjenzi ta’ ħinijiet fit-traffiku u fi kjuwijiet.

Min-naħa l-oħra hija sostniet li dejjem trid tibqa’ l-possibbiltà b’mod fiżiku għal dawk li jibqgħu ma jirnexxilhomx jiksbu ċertu ħilijiet biex jaċċessaw dawn is-servizzi. 

Cutajar tenniet l-impenn tal-MPEs Maltin u l-bżonn li dawn iħarsu l-interessi tal-Maltin u l-Għawdxin u bħala Viċi Chairperson għal intergroup fil-PE għall-Gżejjer u Żoni Kostali kompliet tisħaq u tpoġġi pressjoni biex l-Ewropa tirrikonoxxi r-realtajiet tal-gżejjer tagħna. Hawnhekk semmiet fost l-oħrajn sfidi bħalma huwa l-fatt li niddependu fuq trasport bil-baħar u bl-ajru biex immoru lejn il-kontinent imma anke biex Għawdxin bħalha jaqsmu bejn Malta u Għawdex. 

“Kburija li rnexxieli li nwettaq kisba flimkien ma’ MEPs oħrajn minn gżejjer madwar l-Ewropa fejn imbuttajt u kont strumentali biex naraw li fil-liġi għall-fjuwils aktar sostenibbli li ħdimna fuqha daħħalna emenda proviżorja li tirrikonoxxi li s-servizz bil-baħar tal-vapuri tal-passiġġieri lejn portijiet bħalma huma l-Imġarr Għawdex ikollhom iktar ċans biex jagħmlu din il-qalba.

Dwar il-midja soċjali hija qalet li sfortunatament din hija vizzju li tagħmilna dipendenti u għaldaqstant hawn bżonn li jkollna iktar edukazzjoni u regolamenti biex naraw li dawn it-tendenzi ta’ vizzji nikkontrollawhom għax qed jimpattaw is-saħħa mentali tagħna lkoll.

“Fejn tidħol is-saħħa mentali, nħares ’il quddiem lejn iktar ħidma biex negħlbu l-istigma, imma wkoll li nirrelatawha u naraw kif il-midja soċjali nużawha bħala għodda pożittiva u fejn hemm ċertu riskji nindirizzawhom ukoll”, temmet Cutajar.

Ekonomija

Sport