Saturday, December 21, 2024

ĦELSIEN… ILLUM IRRIDUH MILL-PREĠUDIZZJI

Aqra wkoll

Illum qed niċċelebraw Jum il-Ħelsien. Jum li erbgħin sena ilu pajjiżna ma baqax bażi militari. Hu l-jum li fih rajna it-tmiem tal-bażi militari, biex pajjiżna ma jibqax jintuża bħala fortizza militari. Dak kien l-ħelsien li Malta tant kellha bżonn dakinhar. 

Inkunu żbaljati bil-kbir bil-kbir jekk naħsbu li l-kisba tal-ħelsien hi darba u daqshekk. Tajjeb li nfakkru l-ħelsien mill-bażi militari għax dak il-mument li bdiet it-triq fejn ninsabu llum. Imma llum ukoll irridu nħarsu sew lejn il-pajjiż. Lejn dak li għandna fostna.  Lejn dak li qed ixikkilna. Sfortunatament illum għandna xkiel ġdid. Mhix il-bażi militari għax dik spiċċat fl-1979. Illum għandna xkiel ieħor, li hu ferm u ferm aktar diffiċli biex neħilsu minnu. Hu xkiel li mhux biss qed iżomm il-pajjiż lura imma qed iżomm lil dan il-pajjiż mifrud, xi ħaġa li tfixkel l-iżvilupp ta’ pajjiżna.

Pajjiżna llum ukoll għandu bżonn il-ħelsien. Ħelsien mill-mibegħda.  Għadna kif ħriġna minn kampanja elettorali. Kampanja li fiha għal darba oħra rajna l-element tal-mibegħda u l-ħdura jipprevali minn xi sezzjonijiet. Hi ħasra li fl-aħħar snin rajna l-mibegħda  tkompli tiżdied. Ibda mill-mibegħda marbuta mal-politika.

Illum irridu li jkollna ħelsien mill-preġudizzji li jeżistu fostna. Preġudizzji kontra l-barranin. Preġudizzji min hu ta’ ġilda differenti minn tagħna, preġudizzji kontra min hu ta’ razza differenti minn tagħna jew ta’ reliġjon. Fuq kollox irridu ħelsien mill-estremiżmu li qed jikber fostna. Estremiżmu li forsi ġieli ninjorawh imma qiegħed magħna. Estremiżmu li ma jagħmel xejn ħlief li jirkeb fuq it-traġedji tal-vulnerabbli biex ibeżża sezzjonijiet tal-poplu.

Nemmnu li llum hemm bżonn li jkun hawn ħelsien mill-indifferenza għal dak li ma jirrigwardax lilna direttament. Kemm se ndumu ngħidu li “u iva dak mhux hawn ġara, mhux fl-Afrika dak”.

Nemmnu li r-razziżmu u l-antipatija li xi wħud minna għandhom lejn dawk li ma humiex Maltin llum m’hemmx postha.. F’pajjiż modern u miftuħ għad-dinja, ma hemmx lok għar-razziżmu. L-iskambju kulturali li bbenefikat minnu hawn Malta mid-dħul tagħna fl-Unjoni Ewropea saħħaħna u kabbarna bħala poplu. Illum diversi minn ħutna l-Maltin jgħixu u jaħdmu f’pajjiżi tal-Unjoni Ewropea. Oħrajn rritornaw lura, mibdulin mill-esperjenza tagħhom f’pajjiż ieħor. Bl-istess mod, uħud minn ħutna l-Ewropej jgħixu fostna, jaħdmu magħna u jaqsmu ħajjithom magħna l-Maltin. Ma’ dawn imbagħad irridu nżidu dawk il-persuni minn pajjiżi terzi li għandhom permess li jistudjaw jew jaħdmu hawn Malta, u dawk il-persuni l-oħra li għandhom status ta’ refuġjati jew jibbenefikaw minn protezzjoni umanitarja. 

Dan il-proċess ta’ migrazzjoni minn u lejn Malta ma bediex il-bieraħ. Bħala poplu ilna nemigraw lejn pajjiżi oħra u kważi kulħadd għandu qraba jgħixu l-Awstralja, l-Kanada, l-Istati Uniti jew xi pajjiż ieħor. Bħala Maltin, inkunu kuntenti għall-Maltin l-oħra li sabu posthom fis-soċjetà li marru jgħixu fiha u bir-raġun ninkorlaw jekk dawn il-Maltin kellhom ibatu minn xi diskriminazzjoni jew esklużjoni għall-ebda raġuni ħlief li huma Maltin jew agħar minħabba l-fattizzi tagħhom. 

Nemmnu li dan l-istess proċess ta’ integrazzjoni importanti li jseħħ f’Malta issa li pajjiżna żviluppa tant kemm ekonomikament u kemm soċjalment, li sirna pajjiż ta’ immigrazzjoni minflok pajjiż ta’ emigrazzjoni. Integrazzjoni li taħdem tajjeb issawwar fl-immigranti sens ta’ appartenenza u r-rieda li jiffurmaw parti mis-soċjetà, u li jikkontribwixxu direttament għall-progress tagħha. L-integrazzjoni twassal ukoll għal aktar fehma bejn il-persuni differenti sal-punt li d-differenzi oriġinali isiru sekondarji u banali. 

Nemmnu li pajjiżna irid jagħmel ferm aktar fuq l-integrazzjoni. Donnu nibżgħu nitkellmu fuqha ma jmurx nurtaw xi sezzjoni ta’ nies. Dan ukoll hu ħelsien li rridu li jseħħ. 

Irrid ħelsien mill-indifferenza lejn ir-razziżmu. Irridu niġġieldu kull forma ta’ razziżmu u naħdmu sabiex tiżdied il-kuxjenza kontra din id-diskriminazzjoni. Irridu b’mod individwali u kollettiv nindirizzaw ir-razziżmu bħala inaċċettabbli f’kull kuntest fejn niltaqgħu miegħu. Irridu nżommu f’moħħna li meta nisseparaw b’mod riġidu bejn min jaqa’ fid-definizzjoni ta’ Malti u dik ta’ barrani inkunu qed nagħmlu ħsara lil diversi minn ħutna l-Maltin stess u l-familji tagħhom. Miż-żwiġijiet li jseħħu f’Malta li jirrigwardaw tal-anqas persuna waħda ta’ nazzjonalità Maltija, madwar ħmistax fil-mija minnhom huma ma persuni mhux Maltin. 

F’Malta li wriet tant volontà sabiex tinbidel u tabbraċċja ż-żminijiet fil-qasam tal-antidiskriminazzjoni; f’Malta fejn għamilna tant avvanzi f’dawn l-aħħar snin, ċertament nistgħu inkomplu navvanzaw sabiex noffru futur diċenti lil kull wieħed u waħda minna, fejn kull persuna tkun taf li l-kontribut tagħha fis-soċjetà Maltija apprezzat, irrispettivament minn min hi, xi twemmin tħaddan jew kwalunkwe karatteristika oħra. Malta miftuħa għad-dinja u li ma tibżax mill-progress. 

Ekonomija

Sport