Wednesday, March 27, 2024

“L-ikbar ħelsien li rrid nara hu l-ħelsien mill-politika tal-firda, il-mibegħda u l-konfront”

Brian Gatt
Brian Gatt
Ġurnalist

Aqra wkoll

“Emmintu fis-saħħa tagħkom u għażiltu l-għajta ta’ Malta Flimkien. L-akbar ħelsien li rrid nara llum hu dak mill-politika tal-mibegħda, tal-firda u tal-konfront. Sħabi u jien nirringrazzjawkom tal-fiduċja u dik il-fiduċja se nsarrfuha f’aktar xogħol għalikom biex il-ġenerazzjonijiet futuri jkollhom futur isbaħ u biex b’dak li nagħmlu nagħtu ġieħ lil dawk li qabilna tant ħadmu għal dan il-ġens.” Dan kien il-messaġġ ewlieni tal-Prim Ministru u Mexxej tal-Partit Laburista, Robert Abela fil-Birgu waqt ċelebrazzjoni fl-okkażjoni ta’ Jum il-Ħelsien fejn irrimarka kif is-snin li għaddewna minn esperjenzi simili għal dawk ta’ mitt sena ilu meta bdiet it-triq lejn il-Ħelsien. 

Abela tkellem dwar il-Kabinett maħtur minnu li huwa taħlita ta’ esperjenza u dinamiżmu li jirrifetti t-tiġdid kontinwu li baqa’ jsir fil-Partit Laburista. Fakkar li bħala Moviment, il-Partit Laburista rnexxielu jingħata l-aqwa mandat li qatt ngħata gvern mindu pajjiżna sar indipendenti. Qabbel dan il-mandat ma’ dak li kien ngħata l-Perit Mintoff fl-1955 meta kien reġa’ għaqqad lill-moviment Laburista flimkien. 

“Dan ma jfissirx li għandna nistrieħu, jew li naħsbu li waqafna,” kompla Abela.

Il-Prim Ministru Robert Abela fakkar li l-poplu sab tmexxija li kienet miegħu anke f’pandemija u wiegħed li se jibqa’ man-nies u konferma ta’ dan huwa l-iżgħar ammont ta’ nies qegħda li għandna f’pajjiżna.

Il-Prim Ministru spjega li suċċess dovut għal diversi fatturi fosthom l-irwol attiv li ħa l-Partit Laburista. Huwa sostna li jeħtieġ li gvern Laburista ġdid jirrikonoxxi fejn hemm bżonn isir aħjar biex tinbena prosperità ġdida għal pajjiżna mibnija fuq l-umiltà.

Għan-negattività tal-Partit Nazzjonalista, il-Prim Ministru qal li gvern Laburista dejjem ħadem kontra kull previst biex wettaq dak kollu li wiegħed u appella lin-nies biex tibqa’ miegħu għax il-futur ta’ pajjiżna huwa sabiħ. 

Filwaqt li tkellem dwar pajjiżna bħala pajjiż li għandu fost l-inqas piż ta’ dejn fl-Ewropa, il-Prim Ministru qal li xejn ma jista’ jwaqqaf lil dan il-moviment sakemm jibqa’ magħqud biex ikompli jsostni lill-poplu kollu. “Il-passat ma jistax jegħleb lill-futur sakemm nibqgħu flimkien. Flimkien l-aħna huwa aqwa mill-jien. Ibqgħu emmnu fis-saħħa tal-għaqda tagħna u ibqgħu isilfuna l-fiduċja tagħkom biex inżommu lil Malta u l-Għawdex tagħna l-ewwel u qabel kollox,” temm jappella l-Prim Ministru.

Ekonomija

Sport