Tuesday, April 23, 2024

CODA rebaħ imma x’għamel Will Smith ser jibqa’ fil-memorja

Mario Azzopardi
Mario Azzopardi
Kritiku tal-Films

Aqra wkoll

Fil-ġimgħat li għaddew, l-Academy of Motion Picture, Arts & Sciences u l-producer Will Packer għamlu minn kollox biex iċ-ċeremonja tal-Oscars ta’ sbieħ it-Tnejn tkun waħda fejn kollox ikun taħt kontroll, effiċjenti u divertenti.  

Huwa ċar li min kiteb l-iscipt tas-serata, ipprovda lit-tliet nisa li mexxew is-serata, Wanda Sykes, Amy Schumer u Regina Hall, ikollhom biżżejjed battuti komiċi fuq il-films innominati, fuq l-Akkademja u fuqhom infushom biex is-serata tkun mexxejja u kollha tbissim.  Skont huma, il-producers qabbdu tlitt nisa għax tiġihom orħos milli jqabbdu preżentatur raġel wieħed!  Il-messaġġ kien ċar: f’Hollywood, in-nisa jitħallsu ferm anqas mill-irġiel.

Imma f’serata li hi diretta, qatt ma tista’ tbassar ser jiġri.  Ħareġ l-attur Chris Rock, magħruf, li ilsienu jieklu biex jgħid xi ħaġa mhux fl-iscript, u offenda lil Jada Pinkett Smith, mart Will Smith.  Fl-2016, Chris Rock kien mexxa s-serata tal-Oscar u dak in-nhar kien tefa’ battuta fuq Jada għax kienet ibbojkottjat l-Oscars minħabba li f’dawn l-unuri d-diversità ma kienitx rispettata.  Din is-sena, meta Chris Rock ħareġ biex jippreżenta Oscar għall-aħjar dokumentarju, għadda kumment fejn qabbel lil Jada Pinkett Smith ma’ “G.I. Jane” minħabba li Jada qaxxret xagħrha.  Jada qaxxret xagħarha minħabba il-kundizzjoni medika li għandha ta’ alopecia (waħda li tkun qegħda titlef ix-xagħar).  Close-up ta’ Jada kien juri li ħaditx gost b’dan il-kumment.  Will Smith qam, mar fuq il-palk u ta daqqa ta’ ħarta lil Chris Rock.  Għall-mument, kien hemm min ħaseb li dan kollu kien ippjanat.  Wara, Chris Rock deher konfuż u ma jafx ser jaqbad jagħmel.  Kompla ġie kkonfermat li dan ma kienx ippjanat meta Will Smith rebaħ l-Oscar bħala l-aħjar attur (għall-parti f’“King Richard”) u fl-acceptance speech, bid-dmugħ f’għajnejh għamel apoloġija lill-Akkademja u lil dawk kollha nnominati, għall-imġiba tiegħu.  Fi stqarrija, il-pulizija ta’ Los Angeles ikkonfermat li għalkemm hi konxja ta’ dak li ġara, Chris Rock irrifjuta li jagħmel rapport formali u ma jridx jipproċedi kontra Will Smith.

Primarjament, l-istennija waqt din iċ-ċeremonja kienet fejn ser imorru tnejn mill-Oscars ewlenin: għall-aħjar film u attriċi f’parti ewlenija.

“CODA” rebaħ l-Oscar għall-film flimkien ma’ żewġ unuri oħra.  Dan hu l-ewwel film fl-istorja tal-Oscars li film intenzjonat għal fuq streaming service rebaħ din l-Oscar.  Kurjuż ukoll il-fatt, li produzzjoni li rebħet l-Oscar għall-aħjar film ma kellix d-direttur innominat.  Biex ngħidu kollox, id-direttur Sian Heder rebħet l-Oscar għall-aħjar screenplay minn sors ieħor.

Kien mument emozzjonali meta Troy Kotsur rebaħ l-Oscar għall-aħjar attur f’parti sekondarja.  Troy hu attur nieqes mis-smigħ u l-acceptance speech tiegħu sar bil-lingwa tas-sinjali.  Dan hu t-tieni attur nieqes mis-smigħ li rebaħ Oscar wara Marlee Matlin li kienet rebħet Oscar għal “Children of a Lesser God” (1986).  Marlee Matlin tidher ukoll f’“CODA”.

It-tieni stennija b’ħerqa kienet l-Oscar għall-aħjar attriċi billi kollox kien inċert bejn tlieta.  Rebħet Jessica Chastain għall-parti prinċipali f’“The Eyes of Tammy Faye”.  Dan il-film bijografiku rebaħ ukoll il-kategorija għall-aħjar Makeup u Xagħar.

L-akbar ammont ta’ Oscars, sitta b’kollox, rebaħhom “Dune”.  Kollha huma f’kategoriji tekniċi: Disinn tal-Produzzjoni, Ċinematografija, Editing, Sound, Effetti Viżwali, u għall-Mużika fuq kompożizzjoni ta; Hans Zimmer.

“The Power of the Dog” ħareġ diżappuntat għax minn 12-il nominazzjoni, kienet Jane Campion biss li rebħet Oscar għad-direzzjoni.  L-unur għall-aħjar film animat mar għal “Encanto” filwaqt li l-film Ġappuniż “Drive My Car” rebaħ dik għall-aħjar film internazzjonali.  Kif kien mistenni, Araina DeBose rebħet l-Oscar bħalha l-aħjar attriċi f’parti sekondarja għall-parti f’“West Side Story”.  Kenneth Branagh ikkuntenta b’Oscar għall-aħjar screenplay oriġinali tal-film semi-awtobijografiku “Belfast”.  L-aħjar kostumi kienu dawk f’“Cruella”.  L-aħħar film ta’ Daniel Craig bħala James Bond, “No Time To Die” kellu l-unur li jirbaħ l-Oscar għall-aħjar kanzunetta.  B’hekk l-aħħar tlitt films ta’ Daniel Craig bħala 007 rebħu l-Oscar għall-aħjar kanzunetta.

Iċ-ċeremonja tal-Oscars kienet tinkludi tislima lil 60 sena ta’ films ta’ James Bond għall-mużika ta’ ‘Live and Let Die’; tifkira tal-50 anniversarju minn meta ħareġ “The Godfather” bil-preżenza ta’ Francis Coppola, Al Pacino u Robert De Niro, kif ukoll mument ta’ silenzju b’solidarjetà mal-poplu tal-Ukrajna.

It-tmiem taċ-ċeremonja kien wieħed emozzjonali hekk kif Lady Gaga akkumpanjat lil Liza Minelli f’siġġu tar-roti li b’ċertu diffikultà biex titkellem ħabbret il-film rebbieħ.  Liza Minelli għadha kif għalqet 76 sena.  Ħamsin sena ilu ħadmet f’“Cabaret” u rebħet Oscar bħalha l-aħjar attriċi.

Sport