Raġel ingħata l-ħelsien mill-arrest wara li wieġeb mhux ħati għall-akkużi relatati mat-traffikar tad-droga kokaina. Layden Spiteri ta’ 24 sena kien mixli bil-pussess tad-droga kif ukoll b’ħasil ta’ flus.
Esperti tal-Qorti spjegaw lill-Maġistrat Natasha Galea Sciberras li minn rejd li sar għad-droga nstabu 172 qartas crack cocaine, b’piż totali ta’ 62.3 grammi flimkien ma’ 14-il gramma kokaina maqsuma f’37 qartas u 15-il pillola oħra bid-droga. Fl-istess rejd instabu wkoll ammont ta’ flus kontanti u oġġetti lussużi.
L-Ispettur John Leigh Howard qal li l-pulizija kienet irċeviet informazzjoni anonima xi xhur ilu li Spiteri allegatament seta’ kien qiegħed iwettaq attivitajiet illeċti relatati mad-droga u sussegwentement tpoġġa taħt sorveljanza.
Matul il-jum tat-Tnejn numru ta’ xhieda rrifjutaw li jixhdu minħabba li kienu familjari tal-imputat. Wara li ddikjarat li hemm biżżejjed provi biex Spiteri jitqiegħed taħt att ta’ akkuża, il-Maġistrat Natasha Galea Sciberras tatu l-ħelsien mill-arrest fuq depożitu ta’ €8,500 u garanzija personali ta’ €16,000. Huwa kien ordnat jiffirma l-għassa tliet darbiet fil-ġimgħa.
L-Avukati Marion Camilleri u Franco Debono dehru għal Spiteri.