Sunday, December 22, 2024

Ħelsien mill-arrest għall-irġiel arrestati b’rabta ma’ qabda kbira ta’ droga f’Burmarrad

Brian Gatt
Brian Gatt
Ġurnalist

Aqra wkoll

Erbat irġiel, tliet Maltin u Ingliż, li x-xahar li għadda tressqu l-Qorti b’rabta mal-akbar qabda tad-droga mill-Pulizija għal din is-sena, ingħataw il-benefiċċju għall-ħelsien mill-arrest wara li l-Qorti ddeċidiet li hemm biżżejjed provi prima facie sabiex jitqiegħdu taħt Att ta’ Akkuża.

L-imputati huma Thomas James Everett ta’ 43 sena mill-Gżira, Wayne Attard ta’ 26 sena minn Pembroke, Stefan Vassallo ta’ 30 sena minn San Ġwann u Christopher Cordina ta’ 26 sena mill-Ħamrun. Huma jinsabu mixlija b’assoċjazzjoni, traffikar u pussess tad-droga kannabis. Huma ġew mixlija wkoll bil-pussess tal-kokaina, ecstasy u amfetamina u li kellhom arma u munizzjoni mingħajr permess. Vassallo waħdu qed ikun mixli wkoll li huwa reċediv.

B’kollox, il-Pulizija sabet moħbijin f’vann qalb laned taż-żebbuġ xejn inqas minn 132 kilo droga kannabis flimkien ma’ erba’ kilogrammi oħra tal-istess droga f’garaxx f’Burmarrad, bil-valur tagħha fis-suq jammonta għal aktar minn €2.5 miljun.

Aktar kmieni dalgħodu, il-Maġistrat Natasha Galea Sciberras tathom il-ħelsien mill-arrest fuq depożitu ta’ €23,000 u garanzija personali ta’ €27,000. Huma ġew ordnati jiffirmaw l-għassa kuljum. 

Il-Prosekuzzjoni f’dan il-każ qiegħda titmexxa mill-Ispetturi Justine Grech u Marshall Mallia. L-Avukat Roberta Bonello dehret għal Attard. L-Avukati Gianluca Caruana Curran u Charles Mercieca dehru għal Everett. L-Avukati Franco Debono u Marion Camilleri dehru għal Vassallo. L-Avukati Matthew Xuereb u Alexander Scerri Herrera assistew lil Cordina.

Ekonomija

Sport