L-immaġini li rajna ftit tal-ġimgħat ilu f’Mariupol l-Ukrajna kienu xeni li kexkxu lil kulħadd. Belt li kienet issaħħret bis-sbuħija tagħha u li l-assedju mir-Russi biha qeridha kompletament. Bini mfarrak u maħruq, tankijiet u armamenti oħra fit-toroq. Nies mejtin taħt it-tifrik u anke fit-toroq. U waqt li kien għaddej dan l-assedju għadd kbir ta’ residenti kienu maqbudin fi djarhom. Ħsieb wieħed kellhom f’moħħhom, jekk hux se jibqgħu ħajjin f’dak l-assedju li kien għaddej.
Titkellem ma’ dawk li kienu hemm ġew, jiddeskrivulek is-sitwazzjoni bħala ‘infern’. Alevtyna kienet waħda minn dawk li inqabdet f’din il-belt. Hi twieldet u għexet dejjem f’din il-belt. Spiċċat għamlet 21 jum maqbuda f’din il-belt flimkien ma’ familtha. Finalment kien irnexxielha toħroġ mjinn din il-belt.
Għexu ‘l barra mill-belt għal xi żmien … spiċċaw imxew 7 kilometri taħt sparar kontinwu
Alevtyna tirrakkonta li fl-ewwel jum tal-gwerra hi u familtha kien qed jgħixu ‘l barra mill-belt ta’ Mariupol. Huma iċċelebraw għeluq snin ħuha li kien għadu kif għalaq 12-il sena. Baqgħu hemm għa diversi jiem. Bdew jaraw li s-sitwazzjoni f’dik iż-żona kienet kull ma jmur qiegħda teħżien. F’jum minnhom xi djar viċin tagħhom intlaqtu mill-bombi. Kien f’dan il-mument li ddeċidew li jimxu lejn appartament li jinsab fil-qalba tal-belt. Spiċċaw imxew xejn inqas minn seba’ kilometri taħt sparar kontinwu.
“Rajna katavri fit-triq“
Alevtyna tgħid li “meta ħriġna barra, rajna li dawn kienu qed jisparaw fuq żona viċin ħafna tagħna. Rajna katavru ta’ persuna fit-triq qrib id-dar ta’ wieħed mill-ġirien tagħna. Kien hemm ukoll tifla li kienet feruta. Hi bdiet titkarrab għall-għajnuna. Talbitna ninfurmaw lil xi ħadd fejn hi tinsab biex forsi jevakwawha b’kaozza. Aħna ma kellniex karozza. Flimkien ma’ żewġt itfal, aħna konna qegħdin nimxu”.
“Meta waslna fl-appartament li jinsab fil-qalba tal-belt, ħassejna li għal xi żmien qasir konna siguri. Kien hemm persuna li kien jorganizza kċina f’għalqa. Konna ninġabru hemm u nsajru fuq il-ħatab. Konna ngħinu lil xulxin.”
Konna bla elettriku u bla ilma
“Konna nagħmlu hekk għax ma kelllniex elettriku u lanqas ilma. Il-mezzi ta’ kommunikazzjoni kienu ukoll inqatgħu. Ħdejn il-blokka tagħna kien hemm xelter biex in-nies jistkennu fih imma dan kien iffullat ħafna. Kien hemm xi persuni li kienu ħallewna nidħlu fil-kantina tagħhom li kienet taħt ħanut biex nistkennu fiha. Konna qed ngħixu fih disa’ persuni, li jinkludi tfal, nanna, u ġenituri.”
Kienu jiddiskutu kif se ssir il-ħarba mill-belt
Tisħaq li “kont inmur f’post partikolari, li kien it-teatru tal-post u hemmhekk kienu jinġabru nies u kienu jiddiskutu il-ħarba mill-belt mingħajr karozza. Kienu qed jistennew evakwazzjonijiet permezz ta’ karozzi tal-linja jew permezz ta’ dawk magħrufa bħala ‘green corridors’. Imma l-aħbarijiet li stennew dwar evakwazzjonijiet baqgħu ma waslux f’dak il-perjodu ta’ nofs Marzu.
“Bħala ġirien konna ninġabru taħt il-blokk tal-appartamenti u nippreparaw l-ikel. Minħabba li ma kienx hemm elettriku, it-tisjir kien isir billi jitqabbad in-nar u kulħadd iġib l-ikel li jkollu biex jissajjar. Is-soppa kienet tkun tikkonsisti f’ħafna ilma, tlett patatiet u ftit qamħ.”
Tispjega kif darba minnhom marru fl-appartament biex iġibu xi platti biex jieklu. Kien f’dak il-mument li ħassew splużjoni kbira. Fis-saqaf tal-appartament dehru diversi xquq.
Alena tirrakkonta li “ħriġt barra flimkien mar-raġel u rajna li bomba kienet waqgħet eżatt quddiem l-entratura tal-blokk ta’ appartamenti. Din l-bomba waqgħet eżattament fuq il-post fejn in-nies kienu qegħdin iqabbdu in-nar biex isarju. Kien hemm ħofra kbira fonda madwar erba’ metri. Rajna biċċiet ta’ katavri. Bdejna nippruaw inħaffru qalb dak it-tifrik. L-ewwel żewġ katavri li ħriġna kienu tal-ġirien tagħna Halia u Vania. Għattejna l-katavru tagħhom u poġġejnihom quddiem l-entratura. Ma stajniex inkomplu inħaffru għal aktar katavri għax l-isparar f’din id-direzzjoni kien kontinwu. Apparti dan kien qed jiżdied. Kien hawn li ddeċidejna li nieħdu kull riskju li kien hemm bżonn u naħarbu mill-belt.“
“Kien jidher b’mod ċar ħafna li l-bini kien ġarrab ħsarat kbar. Kien. ovvju li bomba oħra kienet se ġġib il-basement fejn konna qed nistaħbew il-qabar tagħna.”
Tgħid li ma kinitx faċli li l-ġenituri tagħna jimxu. Huma baqgħu ma ħija jgħixu fil-basement, waqt li huma ħarbu lejn villaġġ fil-qrib. Imxew għal ġurnata sħiħa sakemm waslu f’żona li kienu jafuha.
Tispjega kif hi kienet il-ħin kollu tibki. Hi kellha sħiħ wieħed u dan kien dak li jekk hi ma tirritornax lejn il-ġenituri tagħha, aktarx li ma kinitx se tarahom aktar ħajjin.
B’dan il-ħsieb f’moħħha huma reġgħu irritornaw lejn iċ-ċentrru tal-belt b’karozza bil-ħsieb li jevakwaw lill-ġenituri tagħhom li kienu anzjani. Sabu li l-sitwazzjoni kienet marret għall-agħar, tant li l-blokk ta’ appartamenti ġralha ħsarat kbar. Anki it-triq li tagħti għall-istess appartamenti kienet totalment imkissra.
Kif ipparkjaw il-karozza ftit bogħod, Alevtyna marret tiġri fil-basement. Hemmhekk sabet li kulħadd kien għadu ħaj, għalkemm kienu imwerwrin.
Ħarġu u rikbu fil-karozza. Kien proprju dak il-mument li ftit bogħod taqa’ bomba. Bil-blast tagħha tkissret waħda mit-twieqi tal-karozza. Huma irnexxielhom joħorġu mill-belt anke bil-għajnuna ta’ nies oħra u marru lejn Zaporizhia. Minn hemm irnexxielhom ikomplu l-evakwazzjoni bil-ferrovija.
“Irrid nuri lid-dinja dak li għaddejna minnu”
Alevtyna tgħid li “irrid nuri lid-dinja dak li ġara u li kien qed jiġri f’Mariupol. Ninsab ċerta li min ma marx hemm ma jistax jimmaġina dak li seħħ f’din il-belt. Dak li seħħ hu xi ħaġa li ma timmaġinax li se tiġri fis-seklu 21. Meta tkun f’dik is-sitwazzjoni, l-agħar ħaġa li sseħħ hi li inti ma tibqax tibża’ mill-mewt. L-għajta tiegħi hi biex nirringrazzja lil min għeni u lil dawk li appoġġjawna u qed jgħinuna anki f’dan il-mument. Hemm ħafna nies għandhom bżonn l-għajnuna”.