Tuesday, December 24, 2024

“Hemm 80,000 ruħ li mhumiex jitkellmu imma se jitkellmu dakinhar tal-elezzjoni”

Bernard Grech jintalab ikun kuraġġjuż għall-elezzjoni li ġejja minkejja s-surveys…

Aqra wkoll

Il-Kap tal-Oppożizzjoni u tal-Partit Nazzjonalista, Bernard Grech, qal li lit-tfal tagħna nħallulhom bħala wirt dak li niżirgħu. Huwa sostna li issa huwa tard wisq għall-Partit Laburista fil-Gvern u għalhekk hemm bżonn il-bidla, bidla li tista’ ssir jekk il-Partit Nazzjonalista jikkonvinċi lill-poplu li bħala partit għandu l-kapaċitajiet biex iġib din il-bidla.

Bernard Grech dalgħodu indirizza l-attività politika “Kun il-Bidla” fejn sostna li minkejja dak kollu li jitfgħu ma’ wiċċ in-Nazzjonalisti, huma waħda jibqgħu reżiljenti u jibqgħu mexjin ‘il quddiem. Huwa qal li l-PN huwa partit konvint minn dak li jgħid u dak li jippjana jemmen fih. 

Il-Kap tal-Oppożizzjoni semma’ r-riżultati tas-surveys fejn qal li avviċinaw perrsuni li qalulu ‘jgħidu x’jgħidu s-surveys għamel kuraġġ għax hemm persuni laburisti li mhumiex se jivvotaw fl-elezzjoni ġenerali li jmiss’. “Hemm maġġoranza silenzjuża li se tagħti risposta dakinhar tal-elezzjoni. Agħmlu kuraġġ. Veru li s-surveys juruna li m’aħniex nimxu ‘l quddiem, iżda hemm 80,000 ruħ li mhumiex jitkellmu imma se jitkellmu dakinhar tal-elezzjoni,” iddikjara Grech.

Fl-intervent tiegħu l-Kap tal-PN ikkritika lill-Gvern Laburista fejn jidħol ippjanar u infieq tal-fondi pubbliċi. Huwa qal li b’riżultat tat-tmexxija tal-Partit Laburista fil-Gvern, kull wieħed u waħda minnha għandna €14,000 dejn fuq rasna. Grech qal li għall-budget t’għada qiegħed jistenna li jkun wieħed kbir imma mill-prelodju tiegħu diġà hemm infieq bla rażan f’billboards ta’ propaganda mifruxa mal-pajjiż kollu.

Il-Kap tal-Oppożizzjoni talab biex il-Gvern tal-PL jagħti stampa ċara tal-infieq li sar fl-2021 u hawn fakkar li din is-sena kien hemm rekord ta’ direct orders. Barra l-billboards, Grech qal li propaganda oħra f’dan il-budget se ssir mill-PBS li skont huwa ġie maħtuf mill-Partit Laburista. “Fil-Budget se jkollna propaganda mill-PBS li kollox miexi sew. Jien m’inix nirreferi għall-ħaddiema tal-PBS imma għal dawk fit-tmexxija u f’Kastilja li ħatfu lix-xandir pubbliku biex jikkontrollawh għas-skapitu tad-dritt tiegħek li jkollok l-informazzjoni kollha,” kompla Grech.

Fid-diskors tiegħu huwa semma’ l-kuntratti tal-Vitals u l-Electrogas u talab lill-Kummissarju tal-Pulizija jinvestiga u jressaq il-Qorti lil Konrad Mizzi. “Din il-ġimgħa Konrad Mizzi kellu l-opportunità li jwieġeb għad-domani iżda ħarab u ma marx iwieġeb għal għemilu. Sab jiddefendih lill-grupp parlamentari Laburista u lil Robert Abela”. 

Grech, barra li staqsa x’inhu jistenna l-Kummissarju biex jieħu passi fil-konfront ta’ Mizzi, staqsa għala l-PL għadu jiddefendi lilu u lil Joseph Muscat. Hawnhekk il-Kap tal-PN allega li l-Prim Ministru ma ċaħadx lil ċertu nies għax b’dan il-mod qiegħed jiddefendi lilu nnifsu minġabba li kien Abela stess il-konsulent ewlieni f’Kastilja meta seħħu dawn l-affarijiet.

Grech saħaq fl-importanza li jkollna setturi ġodda fl-ekonomija, li tissaħħaħ l-ekonomija u li niddiversifikawha. Filwaqt li qal li f’dan il-pajjiż, mal-ħażin jeħel it-tajjeb, Bernard Grech qal li ma jistax ikun li jibqgħu jintefgħu aktar piżijiet fuq in-negozjanti. 

Huwa qal li bħala partit, il-PN jaf fejn qegħdin u fejn iridu jmorru, mentri min-naħa l-oħra staqsa, “jekk il-Gvern qiegħed tassew miexi tajjeb, għalfejn se ssir elezzjoni bikrija?”

Il-Partit Nazzjonalista jrid li lil uliedna nħalulhom pajjiż b’unur u isem tajjeb, li jkunu kburin li jgħixu fih u li jibqgħu jgħixu fih mal-familji tagħħhom. Bernard Grech temm l-intervent tiegħu billi appella, “le, titilqux għax għandna bżonnkom. Tridu tkunu intom li tbiddlu l-pajjiż u aħna. Flimmkien nistgħu nbiddlu u ntejbu lil dan il-pajjiż biex uliedna nħallulhom futur li jixirqilhom”. 

Ekonomija

Sport