1. Rajnik tpoġġi pressjoni fuq il-Kummissjoni Ewropea biex taġixxi fuq it-turiżmu. X’tistenna mill-KE?
It-turiżmu żgur li ma kienx fl-aqwa tiegħu matul is-sajf li għadda u lanqas huwa mistenni li jirritorna għal-livelli li kien f’qasir żmien. U mhux ta’ b’xejn. Fost in-nies teżisti inċertezza kbira li ma tħeġġiġx lin-nies jivjaġġaw u tagħmel ħafna ħsara lin-negozji ż-żgħar u medji li fuqhom jistrieħ il-qasam turistiku. Dan hu r-riżultat ta’ gvernijiet li jaġixxu għal rashom, miżuri u regoli li jvarjaw minn pajjiż għall-ieħor u nuqqas ta’ uniformità dwar testijiet.
Din is-sitwazzjoni redikola qed tkompli tgħakkes lin-negozji u l-ħaddiema fis-settur mingħajr ma ttejjeb il-qagħda tal-imxija.
Flimkien mal-bqija tat-Task Force tal-Parlament Ewropew dwar it-Turiżmu qed ninsisti mal-Kummissjoni Ewropea biex tfittex direzzjoni komuni għall-pajjiżi Ewropej. Qed nitlob li għall-passiġġieri jkun hemm regoli u miżuri uniformi infurzati fil-pajjiżi kollha. Qed ninsisti li jkollna pjattaforma Ewropea waħda u affidabbli, li tipprovdi tagħrif aġġornat dwar l-istat tal-imxija f’kull stat u r-regoli kif qed jinbidlu minn żmien għal żmien.
Fuq kollox dak li tkellimna fit-tul dwaru qabel is-sajf bħal Mekkaniżmu għall-Kontroll tal-Kriżi li jtaffi t-toqol u joffri soluzzjonijiet għall-operaturi fil-qasam turistiku f’ċirkostanzi straordinarji bħal dawn, għadu ma jeżistix.
Ma qed nitlob xejn li mhux raġjonevoli. Il-qasam tat-turiżmu kif stennejna, ħa daqqa kbira. L-Ewropa trid tintervjeni, u trid tintervjeni malajr jekk lil dan il-qasam verament irridu nagħtuh futur, u miegħu lill-ekonomiji u l-miljuni ta’ impjiegi li jiddependu minnu.
2. Imma l-pajjiżi ma jistgħu jagħmlu xejn?
Il-pajjiżi għamlu li setgħu biex fil-parametri li pprovdew iċ-ċirkostanzi żammew ir-rota ddur. Bilfors nilqa’ b’sodisfazzjon kbir il-proposti mressqa mill-Ministru għat-Turiżmu Julia Farrugia Portelli flimkien ma’ Ministri oħra tal-istess fehma propju f’laqgħa dwar it-turiżmu. It-talbiet imressqa mill-gvern Malti jirriflettu dak li qed ninsistu għalih fit-Task Force tat-Turiżmu. L-appell lill-Kummissjoni Ewropea hu biex tikkordina, iġġib lill-pajjiżi flimkien u biex nadottaw direzzjoni komuni, uniformità fir-regoli imposti u soluzzjoni għad-diffikultajiet li qed isofru l-konsumaturi.
Naqbel mas-sejħa għal aktar flessibilità fil-qafas tal-għajnuna mill-iStat fil-qasam turistiku u ma’ intervent finanzjarju qawwi mill-Unjoni Ewropea fl-industrija turistika biex inqajmuha lura fuq saqajha.
Sa mill-bidu tal-imxija sostnejt li l-pajjiżi nfushom jistgħu jkunu l-aktar effettivi biex ipoġġu r-riżorsi fejn l-aktar jeħtieġu s-setturi vitali għall-ekonomiji tagħhom u għalhekk il-Kummissjoni Ewropea trid tagħti aktar flessibilità fejn tidħol l-għajnuna mill-iStat speċjalment b’rabta ma’ dawk ir-reġjuni u żoni li huma aktar dipendenti fuq it-turiżmu bħal Għawdex, fil-każ tagħna.
3.Taħseb li l-Ewropej qatt se jiġbdu ħabel wieħed dwar il-Migrazzjoni?
Dan hu suġġett li ilu s-snin twal fuq l-aġenda iżda qatt ma ġie indirizzat b’mod effettiv. Issa għandna quddiemna l-Patt il-ġdid dwar il-Migrazzjoni u l-Ażil li ġie ppreżentat il-ġimgħa li għaddiet li qed jipproponi li l-pajjiżi Ewropej jibdew jiġbdu ħabel wieħed f’din l-isfida komuni.
Il-President tal-Kummissjoni Ewropea rreferiet għall-migrazzjoni bħala sfida komuni imma f’dawn is-snin li ilna mseħbin fl-Unjoni Ewropea, dejjem kienet sfida għal Malta u ftit pajjiżi oħra tgħoddhom fuq id waħda.
Meta din il-ġimgħa indirizzajt il-Grupp tas-Soċjalisti fuq is-suġġett, kont pożittiva fuq it-tentattiv li għamlet il-Kummissjoni biex issib kompromess li jaħdem u tibni sistema li tiffunzjona. Pero wissejt fuq diversi punti u għidt li rridu nibdew billi ninvestu fil-paċi u mhux fil-kunflitti ta’ pajjiżi terzi biex ikollna impatt tajjeb fuq il-migrazzjoni. Sħaqt ukoll li ma jistax ikollok mekkaniżmu ta’ solidarjetà mandatorja mingħajr ma jkun hemm kriterji oġġettivi li jistabilixxu l-massimu ta’ persuni li jiflaħ jilqa’ u jipproċessa pajjiż.
Il-Kummissajru Johansson li kienet f’din il-laqgħa tidher konxja sew mill-pressjoni kbira li hemm fuq Malta fejn tidħol l-immigrazzjoni u dan jekk xejn juri li l-isforzi tagħna mhumiex għalxejn.
Ir-rieda min-naħa tal-Kummissjoni u lil hinn tinsab hemm – kollox jiddependi fuq kemm intejbu dawn il-proposti ħalli jagħmlu ġustizzja ma’ pajjiżi bħal Malta, fil-fruntiera, u jekk il-gvernijiet iwieġbux b’mod pożittiv biex ma jerġax ikollna proposta oħra sabiħa li tibqa’ fuq il-karta.
4. Kemm temmen fiha l-kollaborazzjoni bejn il-pajjiżi?
Mhux biss nemmen fiha, naħseb li mhemmx alternattiva oħra fid-dinja globalizzata tal-lum. Kriżi wara l-oħra tkompli turina li mhawn l-ebda sfida li xi pajjiż waħdieni għandu s-soluzzjoni għaliha.
L-Unjoni Ewropea stess nibtet biex issib soluzzjonijiet għal sfidi komuni u dik trid tkun il-viżjoni tagħna ‘l quddiem. Din il-viżjoni wasslitni għall-ħatra ta’ Viċi President tad-Delegazzjoni tal-Unjoni Ewropea għar-relazzjonijiet mal-Awstralja u New Zealand.
Aħna pajjiżi li naqsmu l-istess perspettiva fuq diversi temi. Bħalissa qed jiġi nnegozjat il-Ftehim ta’ Kummerċ Ħieles bejn il-partijiet. Fuq iż-żewġ naħat, għandna l-istess ħeġġa biex negħlbu l-ġlieda kontra l-qerda ambjentali u bdejna nieħdu passi importanti fid-direzzjoni t-tajba. Iż-żewġ partijiet jridu jkunu mexxejja fid-dinja diġitali u għalhekk quddiem il-ġganti Amerikani u Ażjatiċi, dawn huma t-tip ta’ ħbieb li neħtieġu aħna l-Ewropej fir-riċerka u l-innovazzjoni.