Sunday, December 22, 2024

“Hemm dfferenza kbira bejn il-Gvern u Oppożizzjoni li minnha rajna gwerra u tgħajjir”- Il-PM

Aqra wkoll

Gvern Laburista kontinwament jiġi biex itejjeb l-affarijiet għan-nies u l-vot fit-8 ta’ Ġunju huwa wieħed biex jagħti s-saħħa lill-Gvern biex ikompli jindirizza l-ħtiġijiet tan-nies.

F’Birkirkara waqt intervista bit-tema ‘Is-Saħħa lill-Maltin’, il-Prim Ministru Robert Abela mhux biss innota d-differenza kbira bejn Gvern u Oppożizzjoni li ħlief fuq gwerra, tgħajjir u konfronti ma rajniex minnha, iżda l-Mexxej Laburista tkellem ukoll fost il-Karkariżi u dawk preżenti dwar pjan b’saħħtu għal Birkirkara.

Hawnhekk semma l-importanza li trid tkompli tingħata lill-ambjent u l-indafa u x-xogħol ta’ tisbiħ pjanat mad-dawra tal-Kolleġġjata Bażilika ta’ Sant’Elena, riġenerazzjoni ta’ Ġnien Lippu Sammut u Ġnien John Borg kif ukoll tisbiħ mad-dawra tal-Knisja l-Qadima.

Il-Mexxej Laburista qal li l-Partit Laburista għalhekk qed jippreżenta tim b’saħħtu ieħor ta’ kandidati ġodda u oħrajn b’esperjenza li jixirqilhom il-fiduċja. Il-Prim Ministru tkellem ukoll dwar deċiżjonijiet importanti li qed jieħu l-Gvern fil-qasam ambjentali.

Innota kif b’deċiżjoni li ħa Gvern Nazzjonalista fl-2006 dwar meded t’art verġni li ngħataw għall-iżvilupp, issa l-Gvern ma jistax ikun galantom bid-drittijiet tan-nies iżda fl-istess waqt lest jaġixxi u jagħti eżempju b’artijiet li huma tal-Gvern. Hawn semma kif dan il-Gvern qabad artijiet pubbliċi f’Ħal Lija, San Ġiljan, Ħal Kirkop u Ħal Luqa li huma art ODZ u setgħu jiġu żviluppati wara li ta dan id-dritt Gvern Nazzjonalista iżda dan il-Gvern tal-lum minflok se jagħmlilhom spazji miftuħa għall-familji għaliex Gvern Laburista ta kelma għall-ikbar proġetti ta’ spazji miftuħa u jibqa’ leali lejn il-wegħda li għamel biex iwettaqha.

Huwa għalhekk li f’dan il-kuntest, il-Prim Ministru tenna li proposta biex jinbena supermarket biswit skola fuq art ODZ f’San Ġwann hija non-starter. Qal li hawnhekk Kunsilli Lokali bħal dak ta’ San Ġwann qed juru bil-fatti li qegħdin u kienu hemm biex jirrappreżentaw l-interessi tar-residenti.

Marbut mal-ambjent, il-Prim Ministru rrefera għall-investiment fl-istess qasam li qed jattira pajjiżna fejn fabbrika issa se tinbena u tibda timmanifattura turbini tar-riħ. Dan l-investiment f’Ħal Far se jfisser ħolqien ta’ 44 green job għaż-żgħażagħ tagħna fosthom dawk li llum qed jistudjaw fil-qasam tal-inġinerija.

“Dan hu t-tip ta’ investiment li rridu nattiraw u għalhekk ngħid li l-bidla fil-klima ma rriduhiex narawha bħala piż iżda ndawruha f’opportunità. Dan l-investiment hu eżempju konkret”, saħaq il-Prim Ministru Robert Abela.

Mistoqsi dwar is-settur edukattiv u d-diskussjonijiet mar-rappreżentanti tal-għalliema, il-Prim Ministru saħaq li l-Gvern jagħti valur kbir lill-edukaturi u huwa għalhekk li poġġa proposti b’saħħithom fuq il-mejda tan-negozjati. Il-Prim Ministru ċċara miżinformazzjoni li għaddejja fejn saħaq li l-pakkett finanzjarju ta’ kull edukatur se jiżdied, mhux biss ta’ dawk l-edukaturi ingaġġati ġodda. Qal ukoll li ż-żidiet mhumiex marbuta ma’ iktar ħinijiet jew xogħol.

Semma wkoll li ż-żidiet huma hemm għal kulħadd, kemm għal dawk il-professjonisti b’masters iżda anki dawk l-għalliema b’esperjenza, se jkollhom żidiet awtomatiċi.

“Kien hemm min qalli biex naqbdu nippubblikaw il-ftehim iżda fid-dawl ta’ aktar diskussjonijiet skedati għandna nirrispettaw dan però l-appell jibqa’ biex il-unjin tkun sinċiera mal-membri u tagħti l-fatti kollha. Fin-nuqqas ta’ dan, jaf jasal il-mument li mbagħad ikollha tiġi ippubblikata l-proposta”, qal il-Prim Ministru.

Il-Prim Ministru Robert Abela temm l-intervista tiegħu billi appella biex kulħadd jiġbor id-dokumenti tal-vot u fejn hemm x’wieħed jisma’, allura jsir dan għaliex il-Partit Laburista huwa dak li jaġixxi favur in-nies u jagħti s-Saħħa lill-Maltin.

Ekonomija

Sport