Wednesday, July 24, 2024

Imħabbra riforma fil-kura tas-saħħa mentali

Aqra wkoll

F’konferenza tal-aħbarijiet, il-Ministru għas-Saħħa u l-Anzjanità Attiva Jo Etienne Abela ħabbar riforma fil-kura tas-saħħa mentali li se tkun maqsuma fi tliet fażijiet.

Il-ministru spjega li ilhom għaddejjin diskussjonijiet ma’ stakeholders dwar is-settur tal-kura tas-saħħa mentali, inkluż mal-unjins li jirrappreżentaw lill-ħaddiema f’pajjiżna, b’dawn id-diskussjonijiet jilħqu l-qofol tagħhom fil-ġimgħa ddedikata għall-għarfien dwar is-saħħa mentali.

Il-Ministru Abela ħabbar li matul it-tliet snin li ġejjin se tkun qed tiġi implimentata l-phasing out tal-Isptar Monte Karmeli. Dan sabiex tkompli tonqos l-istigma assoċjata mal-istituzzjonalizzazzjoni. Spjega wkoll li fil-ġimgħat li ġejjin, bi ftehim mal-privat, mal-120 pazjent stabbli ħa jkunu qed jiġu rilokati fi djar fil-komunità, bl-impjegati tal-Gvern ħa jkunu qed jirrilokaw mal-pazjenti tagħhom f’dawn is-siti ġodda.

It-tieni fażi tar-riforma se tara li s-servizz tal-psikjatrija akuta jiġi rilokat fl-Isptar Mater Dei, fejn se jkun hemm sala tal-psikjatrija li tkun tista’ tilqa’ mat-30 pazjent.

L-aħħar fażi ta’ din ir-riforma se tkun l-introduzzjoni ta’ Acute Psychiatric Unit, b’investiment ta’ madwar €33 miljun. Din se tkun faċilità state-of-the-art li se tkun tista’ tilqa’ 128 pazjent fl-Isptar Mater Dei. Il-Ministru Abela spjega li dan huwa mudell ta’ kura li diġà jeżisti fl-Isptar Ġenerali ta’ Għawdex fejn il-kura ta’ kull tip ta’ mard tingħata minn sptar wieħed, mingħajr distinzjoni. Kompla li l-Foundation for Medical Services (FMS) tinsab fi proċess avvanzat biex tapplika għall-bini ta’ din il-unit, li hu maħsub li jieħu madwar erba’ snin biex jitlesta. 

“Il-Gvern jagħraf u jaqbel mal-pariri tal-esperti fil-qasam tas-saħħa mentali u determinat li jġib fis-seħħ bidla radikali fl-infrastruttura u fis-servizzi għall-kura tas-saħħa mentali. Kommessi li noffru kura moderna f’ambjent akkoljenti u san”, temm jgħid il-Ministru Jo Etienne Abela.

Ekonomija

Sport