Friday, November 29, 2024

“Hemm limitu għalkollox… iż-żejjed kollu żżejjed”

Il-President George Vella dwar il-kunflitt fil-Lvant Nofsani

Aqra wkoll

Il-kunflitti li għaddejjin f’diversi pajjiżi b’mod partikolari dak fil-Lvant Nofsani, kienu fiċ-ċentru ta’ diskors li għamel il-President ta’ Malta George Vella fl-okkażjoni tal-iskambju tal-awguri għas-sena l-ġdida mal-membri tal-Korp Diplomatiku akkreditati għal Malta.

Fid-diskors tiegħu, il-President Vella kkundanna bl-aktar mod qawwi l-attakki barbari mwettqa mill-Ħamas fuq iċ-ċittadini innoċenti Iżraeljani tas-7 ta’ Ottubru li għadda. Bl-istess mod huwa kkundanna r-ritaljazzjoni bla ebda sens ta’ proporzjon li qed titmexxa minn Iżrael fuq il-poplu ta’ Gaża.

“Nistaqsi lili nnifsu x’aktar għad irridu naraw, meta diġà rajna sptarijiet u skejjel jiġu bbumbardjati bin-nies li kienu qed jistkennu fihom. Eluf ta’ trabi u tfal spiċċaw mirduma, tfal oħra spiċċaw orfni u tara ġenituri ddisprati jittallbu għall-fdalijiet tal-ikel jew ftit ilma biex uliedhom ma jmutux bil-ġuħ quddiem għajnejhom. Hemm limitu għalkollox,” qal il-President. 

Huwa żied jenfasizza li: “ma nistax inħalli l-okkażjoni tal-lum mingħajr ma ntenni l-kundanna totali tiegħi għall-qtil ta’ nies innoċenti, irrispettivament min huwa l-aggressur, filwaqt li nagħmel l-appell sinċier tiegħi lil kull min għandu s-setgħa li jagħmel dan sabiex iwaqqaf il-massakru ta’ nies innoċenti li għadu għaddej, b’mod partikolari t-tfal.” 

Il-President Vella kkundanna wkoll il-gwerra tar-Russja kontra l-Ukrajna, li qal li tmur kontra l-prinċipji kardinali kollha tan-normi u l-istandards internazzjonali. Ma’ dawn, kompla jgħid il-President, għaddejjin kunflitti oħra u gwerer li wkoll qed iwasslu għal tbatijiet, bħalma hi l-gwerra fis-Sudan.

Sadanittant, huwa faħħar lill-Ministru Ian Borg flimkien mad-diplomatiċi u uffiċjali dedikati kollha għall-viżjoni u d-determinazzjoni li bihom Malta qiegħda tħalli iimpatt fix-xena globali. Semma wkoll l-isforzi ta’ Malta biex tgħaddi riżoluzzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti mill-Kunsill tas-Sigurtà li wasslet fost affarijiet oħra għal waqfien temporanju mill-ġlied bejn l-Iżrael u l-Ħamas. 

Il-President Vella temm jgħid li kien ta’ unur għalih u għal martu Miriam li jservu lill-pajjiż u ħeġġeġ lil dawk preżenti sabiex jibqgħu jżommu dan l-ispirtu ta’ koperazzjoni anke mas-suċċessur tiegħu. 

F’ċerimonja li saret ftit tal-ħin wara fil-Berġa ta’ Kastilja, il-Prim Ministru indirizza lill-Korpi Diplomatiċi fejn għamel ukoll referenza għall-kunflitt fil-Lvant Nofsani u reġa’ tenna s-sejħa ta’ Malta għal waqfien mill-ġlied u r-ritorn madwar il-mejda tan-negozjati biex tintlaħaq paċi dejjiema. 

Il-Prim Ministru qal ukoll li Malta kienet l-ewwel pajjiż li saħqet li ma jistax ikun hemm paċi fl-Ewropa jekk ma jkunx hemm stabbilità fir-reġjun tal-Mediterran, b’dan qatt ma kien daqshekk relevanti daqs illum.

Tkellem ukoll dwar il-gwerra fl-Ukrajna, fejn saħaq li l-messaġġ ta’ Malta hu dak li fl-Ukrajna jkun hemm il-paċi u s-sovrenità ta’ dan il-pajjiż. 

Dr Abela qal li Malta kellha rwol biex tmexxi l’ quddiem il-paċi fl-Ukrajna, hekk kif f’pajjiżna kien hemm diskussjonijiet dwar il-paċi. Sostna li Malta tħares ‘il quddiem għal-laqgħa dwar il-paċi fl-Ukrajna li se ssir fl-Iżvizzera dan ix-xahar.

Semma wkoll kif din is-sena Malta għandha f’idejha l-Presidenza tal-Organizzazzjoni għas-Sigurtà u Kooperazzjoni fl-Ewropa (OSCE) fejn qal li huwa ta’ unur li pajjiżna se jkollu dan l-irwol importanti għall-ewwel darba. 

Sport