Sunday, December 22, 2024

HEMM LOK TA’ PIKI JEKK TASSEW INĦOBBU LIL ULIEDNA?

Aqra wkoll

Sfortunatament qed ngħixu f’soċjetà materjalista fejn il-valuri kulma jmur qed jintilfu, fosthom il-valur tal-imħabba, b’konsegwenza li dan qed iħalli impatt negattiv fuq ir-relazzjonijiet, inkluż dawk bejn il-koppji. Spiċċajna f’realtà fejn ħafna żwiġijiet u relazzjonijiet qed jitfarrku, bl-aktar parti li tbati jkunu t-tfal, speċjalment meta tidħol il-pika bejn il-ġenituri.

Irrispettivament minn x’ġara bejn iż-żewġ ġenituri, kull wieħed mill-partijiet għandu jiżgura għajxien diċenti għall-ulied, kemm dak materjali u wisq iktar dak emozzjonali. Dan huwa dmir fundamentali tal-ġenituri u dritt sagrosant tat-tfal.

Għalfejn qed inħambqu dwar dan? Dan il-ġurnal ħass il-ħtieġa li jkompli jindirizza din it-tema, tema li ftit tal-jiem ilu reġgħet ġiet diskussa fil-Parlament fejn saru għadd ta’ suġġerimenti mid-Deputata Laburista Dr Amanda Spiteri Grech. Aħna mhux se noqogħdu nidħlu fil-mertu ta’ liema partit indirizza dan is-suġġett; l-iskop tagħna huwa lil hinn milli naqgħu f’politika partiġġjana.

L-għan ewlieni huwa li nqajmu kuxjenza u li din il-pika tittaffa daqsxejn. Li tuża lil uliedek, u saħansitra fil-maġġorparti tal-każi demmek stess, bħala arma biex mingħalik timpika mal-parti l-oħra, mhu xejn għajr detriment emozzjonali fuq ir-relazzjoni tiegħek mal-ulied u fuq l-iżvilupp psikoloġiku tat-tfal.

Issa li dħalna fis-sena 2023 u l-liġi attwali għadha tippermetti li jsiru għadd ta’ diskriminazzjonijiet fil-konfront ta’ dak il-ġenitur li jkollu l-kura u l-kustodja tal-ulied, dan kompla jkattar il-bżonn ta’ riforma f’dan ir-rigward sabiex neliminaw ċerti inġustizzji f’dak li hu manteniment u aċċess.

Dr Grech irrimarkat dwar il-fatt li sal-ġurnata tal-lum il-liġi Maltija għadha tippermetti illi ma jintilifx id-dritt għall-aċċess f’każi meta ġenitur li jkollu l-aċċess għall-ulied jiddeċiedi illi ripetutament, b’mod kapriċċuż u mingħajr raġuni xierqa, ma jmurx jara lil uliedu. Hawnhekk tajjeb li niċċaraw punt: aħna m’aħniex ngħidu li d-dritt għall-aċċess għandu jintilef b’sens ta’ “kastig”, iżda għax mhuwiex san għall-ulied li ma jkollhomx relazzjoni stabbli ma’ dak il-ġenitur partikolari, u li għalhekk ikun iżjed ta’ benefiċċju jekk tinqata’ linja.

Id-dmir tat-trobbija għandu jkun is-sena kollha u mhux f’xi okkażjoni partikolari bħal ngħidu aħna l-Karnival, il-Milied jew f’għeluq snin l-ulied biex nippowstjaw fuq il-midja soċjali “kemm inħobbu lil uliedna” meta fil-verità nkunu qed nabbandunawhom is-sena kollha.

Hawnhekk tajjeb li niċċaraw xi punti: meta qed nagħmlu referenza għat-terminu “ġenitur li jkollu l-kura u l-kustodja tal-ulied”, b’dan m’għandniex nifhmu li bilfors qed issir referenza għall-mara. Illum qed ngħixu f’soċjetà mħallta u “suppost evoluzzjonarja” fejn hemm lok għal iktar diversità, kemm fis-sessi kif ukoll fl-irwoli; fis-sens li l-ġenitur jistgħu jkunu tal-istess sess jew ta’ sess differenti (għandek koppji li jkunu mara u raġel, żewġ nisa jew żewġ irġiel) u li għalkemm fis-soċjetà Maltija dejjem assoċjajna t-trobbija tal-ulied mal-omm, u minkejja li forsi dan għadu dominanti f’ħafna mill-każi, hemm sitwazzjonijiet fejn f’separazzjoni bejn mara u raġel jiġi deċiż li d-dritt tat-trobbija jingħata lill-missier.

Fuq bażi finanzjarja, Dr Grech aċċennat għall-fatt li f’każi ta’ pika, hemm ġenituri li saħansitra jċaħħdu lil uliedhom mid-dritt tal-manteniment biex jinxtraw l-affarijiet neċessarji ta’ kuljum. Intant, f’każi illi wieħed mill-partijiet ripetutament ma jimxix mad-dati stabbiliti fil-kuntratt tas-separazzjoni jew fid-digriet rigward il-ħlas tal-manteniment, b’mod kapriċċuż u mingħajr raġuni valida, hija pproponiet li għandu jkun hemm Awtorità li jkollha s-setgħa li tidħol hi u effettivament issir parti mill-ftehim u tibda tirċievi b’mod dirett il-ħlas mingħand dak il-ġenitur u tgħaddih lill-parti l-oħra.

Tajjeb li l-ġenituri jżommu f’moħħhom illi l-ulied diġà jkollhom ferità meta tinbidel ir-relazzjoni bejn il-ġenituri tagħhom. Għalhekk, ikun iżjed ta’ benefiċċju jekk tinħoloq koperazzjoni bejn iż-żewġ partijiet konċernati milli nkomplu nitfgħulhom iżjed melħ fuq il-ġerħa.

Ekonomija

Sport