Tuesday, April 30, 2024

260,000 mara tqila jeħtieġu l-għajnuna fit-Turkija u fis-Sirja

Aqra wkoll

In-numru tal-persuni affetwati bit-terremoti li seħħew fl-aħħar ġimgħat hu wieħed għoli ferm tant li hu stmat li hemm aktar minn 9 miljun persuna fit-Turkija u 8.8 persuna fis-Sirja li huma affetwati.

Fost dawn hemm 260,000 mara fiż-żewġ pajjiżi li huma tqal u jeħtieġu l-għajnuna mmedjata tal-komunità internazzjonali. Skont dak li qed jiġi rrapportat fil-midja internazzjonali jidher li dawn l-eluf spiċċaw bla servizz ta’ saħħa biex ikunu jistgħu jingħataw l-għajnuna waqt it-tqala tagħhom.

Fis-Sirja, is-sitwazzjoni hija ħafna agħar minħabba li f’dan il-pajjiż – minkejja li ħafna drabi ma jiġix irraportat fil-midja – hemm konflitt li ilu għaddejja għal dawn l-aħħar 12-il sena. Issa bit-terremot 90% tal-popolazzjoni Sirjana huma affettwati kemm bit-terremot jew inkella bil-gwerra.

Nofs il-popolazzjoni, li ħafna minnhom huma nisa u t-tfal l-aħħar snin kellhom imorru għar-rifuġju fit-Turkija. B’dan il-mod it-Turkija hija l-aktar pajjiż li għandha refuġjati fid-dinja. Però dawn ir-refuġjati qegħdin jgħixu f’tined u kampijiet fit-toroq tal-bliet Torok.

Rapporti fil-midja qegħdin jirraportaw li eluf minn dawk il-260,000 mara tqila, spiċċaw f’dik is-sitwazzjoni minħabba vjolenza sesswali jew inkella għax kellhom jirrikorru għal prostituzzjoni biex ikunu jistgħu jgħixu.

Eluf ta’ sptarijiet, fosthom li huma mmexxija mill-komunitajiet internazzjonali spiċċaw imġarfa jew bi ħsarat kbar. Dan qed ipoġġi f’riskju kbir lin-nisa tqal għax mhux qegħdin isibu kura kemm għalihom u anke għal ulied li għadhom fil-ġuf.

Sport