Wednesday, July 24, 2024

HEMM SOLUZZJONI GĦALL-PROBLEMA TAT-TRAFFIKU?

Aqra wkoll

Wara li ntemm il-perijodu festiv tal-Milied u tal-Ewwel tas-Sena, ħafna ħaddiema reġgħu lura għax-xogħol u l-istudenti lura fuq il-bankijiet tal-iskola. Bħalma jiġri dejjem, dan żied il-volum tat-traffiku fit-toroq Maltin partikolarment f’dawk it-toroq u arterjali u prinċipali li minnhom jgħaddu eluf ta’ karozzi kuljum, fis-sigħat kollha tal-ġurnata. 

Konxji ta’ dan, l-awtoritajiet responsabbli mit-trasport, komplew jagħtu l-attenzjoni kollha għall-konsegwenzi li jistgħu jirriżultaw miż-żieda ta’ karozzi l-iktar dawk privati. Huwa kollu minnu li ħadd ma jista’ jsolvi l-problemi tat-traffiku mil-lejl għan-nhar iktar u iktar meta jitqies kemm karozzi ġodda qed jiżdiedu fit-toroq kuljum. 

Huwa minnu wkoll li żdiedu l-inċentivi biex ikun hemm aktar trasport alternattiv fosthom it-trasport pubbliku b’xejn għal kulħadd, għalkemm jidher li għadha tipprevali l-mentalità li nivvjaġġaw bil-karozza privata milli t-trasport pubbliku. Dan minkejja sar titjib fil-frekwenza u s-servizz li joffri t-trasport pubbliku.

Illum bosta familji għandhom iktar minn karozza waħda u dan il-fatt jista’ jkun li jikkontribwixxi għal konġestjoni tat-traffiku u anki għal problema ta’ parkeġġ. 

Illum ukoll saħansitra naraw studenti, l-iktar l-Universitarji li fil-biċċa l-kbira tagħhom imorru għal-lezzjonijiet bil-karozza privata tagħhom. Allura, f’dan ix-xenarju kollu, kemm tassew tista’ tiġi indirizzata l-problema tat-traffiku? Kif nistgħu nsolvu l-problema tat-traffiku f’pajjiżna? 

Bla dubju, is-soluzzjoni mhijiex waħda faċli u għaldaqstant hi inġusta kull kritika li ssir għall-fatt li ħafna mit-toroq f’pajjiżna qed jinbnew mill-ġdid u jitwessgħu. B’dan m’aħniex niġġustifikaw il-konġestjonijiet li jinħolqu minn volum tat-traffiku qawwi fit-toroq. Imma tal-inqas wieħed għandu japprezza l-isforzi li qed isiru biex pajjiżna jkollu strateġija li tassew tixraq u twassal għal tnaqqis fl-użu tal-karozzi privati. Jekk xejn anki biex inħarsu l-ambjent u nnaqqsu t-tniġġiż tal-arja.

Fuq kollox nemmnu li dan huwa settur kumplikat li jġorr miegħu responsabiltajiet kbar, ikun min ikun fit-tmun tiegħu. Fil-fatt, fil-kummenti tiegħu ma’ dan il-ġurnal, il-Ministru l-ġdid għat-Trasport u l-Infrastruttura Chris Bonett irrikonoxxa dan meta qal li hemm problemi li jridu jiġu indirizzati fl-immedjat iżda wkoll jeħtieġ li nħarsu lejn miżuri oħra fuq bażi aktar fit-tul.

U biex il-ħsieb li esprima l-Ministru Bonett jirnexxi, jeħtieġ il-koperazzjoni sħiħa tal-pubbliku għaliex mhux sew li noqogħdu nikkritikaw il-problema tat-traffiku meta nkunu aħna stess li qed nikkontribwixxu biex din il-problema tkompli tipperpetwa ruħha.

Ekonomija

Sport