L-aħbar li Manoel Island se tingħata lura lill-poplu, anke wara r-riżoluzzjoni li ġiet approvata mill-Parlament, kienet milqugħa b’mod pożittiv mill-Kunsill Lokali tal-Gżira, tant li s-Sindku Neville Chetcuti sostna li jinsab ħerqan li jara li l-proġett li mistenni jsir f’dan is-sit jibda u jispiċċa.
Fir-riżoluzzjoni ntqal li l-Gvern kien qed jafferma l-impenn tiegħu biex is-siti ta’ Manoel Island u Forti Tigné jirritornaw f’idejn il-Gvern permezz ta’ rexxissjoni parzjali tal-kuntratt enfitewtiku datat 15 ta’ Ġunju 2000.
Dan sabiex filwaqt li jissalvagwardja l-patrimonju kulturali, iżomm sħiħ il-wegħda tiegħu li jagħti lura lill-pubbliku art li qabel kienet iddisinjata għall-iżvilupp biex din tiġi konvertita f’park nazzjonali.
L-approvazzjoni ta’ din ir-riżoluzzjoni kienet tfisser pass ieħor importanti ħafna sabiex titwettaq il-wegħda u l-kelma li kien ta l-Gvern, dik li Manoel Island kollha kemm hi tingħata lura lill-pubbliku biex isir spazju miftuħ u fl-istess waqt Forti Tigné tirritorna għand il-familji Maltin u Għawdxin.
F’kummenti ma’ L-Orizzont, is-Sindku tal-Gżira esprima s-sodisfazzjon tiegħu bid-deċiżjoni dwar Manoel Island tant li qal li “kienet ferħa kbira. Ħolma li qatt ma bsart li għad tiġi.”
“Kienet sorpriża għaliex kien hemm obbligi kuntrattwali li ħadu MIDI, kien ilhom hemm għaddejjin żmien u dawn ma waslux bix-xogħlijiet li kellhom. Kien hemm dik it-tama dejjem. Imma kienet xorta ħolma li tiġi lura.
“Kif daru l-affarijiet u kien hemm dik it-tama, il-Gvern permezz tal-Prim Ministru Robert Abela u bil-ħidma tal-Ministru Owen Bonnici, irnexxielu jintlaħaq dak il-ftehim biex Manoel Island terġa’ lura għand il-poplu.”
“Hawn post kbir. Hawn valuri kbar u anke kultura u affarijiet storiċi. Hawn ġojjell kemm għall-Maltin u anke għat-turisti,” tenna jgħid is-Sindku tal-Gżira.

