Saturday, December 21, 2024

“Hi l-intenzjoni tal-Gvern li jkompli jkabbar il-Korp tal-Ġudikatura”

- Il-Ministru Jonathan Attard iħabbar li se joħorġu sejħiet gradwali għal Imħallfin u Maġistrati ġodda

Claudio Coleiro
Claudio Coleiro
Ġurnalist

Aqra wkoll

Il-Ministru għall-Ġustizzja u r-Riforma fis-Settur tal-Kostruzzjoni Jonathan Attard ikkonferma fil-Parlament li hi l-intenzjoni tal-Gvern li jkompli jkabbar il-Korp tal-Ġudikatura, li diġà huwa l-akbar wieħed fl-istorja.

Fil-fatt, fiż-żmien li ġej se jkunu qed joħorġu sejħiet gradwali għal Imħallfin u Maġistrati ġodda. Fl-istess waqt, il-Gvern se jkompli wkoll isostni l-prattika li ġiet introdotta f’din il-leġiżlatura, dak li jantiċipa l-irtirar tal-Imħallfin biex tkun assigurata tranżizzjoni mingħajr xkiel fil-kawżi.

Il-Ministru Attard qal dan waqt dibattitu fuq abbozz ta’ liġi intiż li jkompli jsaħħaħ istituzzjoni oħra importanti fis-sistema ġudizzjarja ta’ pajjiżna, l-uffiċċju tal-Avukat Ġenerali.

Dan l-abbozz ta’ liġi jsegwi riforma sħiħa li saret f’dan l-uffiċċju, li fl-aħħar 4 snin kompla jieħu, b’mod gradwali, mingħand il-Pulizija, il-prosekuzzjonijiet quddiem il-Qorti tal-Maġistrati. 

Il-Ministru Attard qal li llum dan l-uffiċċju huwa kompost minn erba’ sezzjonijiet, b’23 prosekutur speċjalizzat fir-reati finanzjarji, 10 prosekuturi speċjalizzati fir-reati kontra l-persuna, sebgħa oħra speċjalizzzati fuq reati serji ta’ traffikar ta’ drogi u terroriżmu u sebgħa oħra fuq reati ta’ serq.

Apparti s-sezzjoni tal-Prosekuzzjonijiet, hemm ukoll sezzonijiet oħra marbuta mal-assistenza Legali Reċiproka u Kooperazzjoni Internazzjonali, mal-Affarijiet tal-Unjoni Ewropea u Riċerka u anke mal-inkjesti inġenere.

 Dawn ir-riformi leġizlattivi, flimkien mal-investiment f’dan l-uffiċċju waslu biex tjibet sostanzjalment l-effiċjenzi fil-proċeduri kif ukoll il-kwalita’ fil-prosekuzzjoni.

 Il-Ministru tal-Ġustizzja semma’ d-diskors li għamel il-Prim Imħallef fil-ftuħ tas-sena forensi, liema diskors jikkonferma s-sens qawwi ta’ kollaborazzjoni li teżisti bejn il-partijiet kollha, iġifieri l-Ministeru, il-Ġudikatura, l-Amministrazzjoni tal-Qorti, l-professjonisti legali u anke l-parlament.

Huwa qabel mal-Prim Imħallef fuq il-ħtieġa li nkomplu nsaħħu l-Prim Awla tal-Qorti Ċivili, kif ukoll il-Qrati tal-Maġistrati, partikolarment dawk li jitrattaw kawżi tad-distrett u anke l-għadta’ maġistrati li jitrattaw kawżi marbuta mal-vjolenza domestika.

Il-Ministru tal-Ġustizzja qal li kif il-Gvern ħa ħsieb il-kundizzjonijiet tal-membri tal-Ġudikatura, se jkun qed jaħdem fuq l-appell tal-Prim Imħallef rigward standards etiċi u f’dan ir-rigward se jkun qed jippreżenta emendi kostituzzjonali intiżi li jkompli jsaħħu l-livell ta’ servizz mogħti lill-pubbliku.

Ekonomija

Sport