Minn Cristian Muscat
Balzan ………..1
Hibernians ……2
Hibernians komplew għaddejjin bis-sensiela ta’ riżultati pożittivi meta kkonvinċew bis-sħiħ u għelbu lil Balzan bl-iskor ta’ 2-1 biex b’hekk saħħew posthom fil-quċċata meta jinsabu ħames punti fuq l-eqreb rivali tagħhom, Valletta … u b’hekk se jtemmu l-ewwel round tal-ewwel fażi fl-ewwel post.
Kollox ma’ kollox kienet rebħa meritata għall-Pawlisti li kienu l-aħjar team tul id-90 minuta, peró wieħed ma jridx ineħħi mill-mertu ta’ Balzan li logħba wara l-oħra taħt il-gwida tal-coach Paul Zammit qed joffru oppożizzjoni denja lil kull team li jaffrontaw.
Balzan ħarġu fuq l-offensiva u fit-12-il minuta Alex Da Paixao Alves kellu xutt fil-baxx minn ġol-kaxxa li ġie salvat minn fuq il-linja fatali mill-veteran Andrei Agius.
Iżda kienu Hibernians li fetħu l-iskor fil-31 minuta meta Gabriel Izquier Artiles għadda tajjeb lejn WILFRIED DOMORAUD li mill-viċin spara ġewwa.
Madankollu, Balzan ma rmewx ix-xugaman anzi wettqu reazzjoni tajba u fis-37 minuta ġabu l-iskor indaqs meta Uros Ljubomirac xeħet cross għan-nofs lejn il-veteran PAUL FENECH li permezz ta’ xutt minn ġol-kaxxa tefa’ ġewwa.
Madankollu żewġ minuti mill-ftuħ tat-tieni taqsima, Hibernians marru fil-vantaġġ meta Thaylor Aldama xeħet cross għan-nofs b’JAKE GRECH permezz ta’ xutt bid-dawra jitfa’ l-ballun fix-xibka biex irreġistra s-seba’ goal tiegħu f’dan l-istaġun.
Prattikament din kienet l-unika azzjoni denja ta’ nota f’din it-tieni taqsima hekk kif il-Pawlisti amministraw il-vantaġġ minimu li kellhom sa tmiem il-partita u qatt ma taw ċans lil Balzan biex b’xi mod ikunu perikolużi.
BALZAN: 12-Jake Galea, 3-Augustine Loof, 7-Milan Duric (30-Pedro Mota 82), 8-Paul Fenech, 10-Alex Da Paixao Alves (86-Bojan Kaljevic 70), 18-Uros Ljubomirac, 19-Milos Zlatkovic, 22-Gary Camilleri, 23-Milos Mijic, 77-Aleksa Andrejic, 88-Sean Cipriott – Coach: Paul Zammit
HIBERNIANS: 24-Ibrahim Kone, 3-Ferdinando Apap, 5-Matthew Ellul (13-Zachary Grech 74), 8-Jake Grech, 10-Jurgen Degabriele (7-Ayrton Attard 88), 11-Bjorn Kristensen, 12-Dunstan Vella, 18-Thaylor Aldama (17-Erjon Beu 63), 20-Andrei Agius, 22-Gabriel Izquier Artiles, 88-Wilfried Domoraud – Coach: Stefano Sanderra
REFEREE: Glen Tonna
ASS. REFEREES: Duncan Sultana, Chris Francalanza
RABA’ UFF: Stefan Pace
SKORERS: W. Domoraud 31, J. Grech 47 (H), P. Fenech 37 (B)
AMMONITI: B. Kristensen, J. Degabriele, I. Kone (H)