Monday, May 20, 2024

Rebħa komda ta’ Hamrun Spartans fuq Sta Lucia

Aqra wkoll

Hamrun S. ……..3

Sta Lucia ………. 0

Wara t-telfa minima ta’ 1-0 kontra Hiberninas, Hamrun Spartans irritornaw għar-rebħ u għamlu dan b’konvinzjoni meta għelbu l-isfida ta’ Santa Lucia bl-iskor ta’ 3-0.

Kienet rebħa importanti għall-Ispartans mhux biss f’dak li għandu x’jaqsam ma’ rebħ tal-punti iżda anke biex tgħolli l-moral fi staġun mimli tlugħ u nżul li kellhom s’issa.

Min-naħa l-oħra, Santa Lucia kellhom il-mumenti pożittivi tagħhom iżda kull darba li ppruvaw jinfdu lid-difiża avversarja, sabu ħajt difensiv ferm kompatt u organizzat li annulla għal kollox l-attakki tagħhom.

Hamrun Spartans għamlu l-intenzjonijiet tagħhom ċari mal-ftuħ tal-partita u pro­prju fl-ewwel periklu li ħolqu, fit-tielet minuta, fetħu l-iskor meta wara li rċieva minn azzjoni ta’ corner, DARKO GOJKOVIC, kien fil-post it-tajjeb u minn taħt il-lasta kien pront jispara ġewwa

Huma komplew jiddomi­naw u fid-29 minuta rduppjaw l-iskor meta Joseph Mbong ipprovda l-assist lil LUKE GAMBIN li permezz ta’ xutt fil-baxx minn pożiz­zjoni ideali tefa’ l-ballun fir-rokna tax-xibka.

Fit-32 minuta, Santa Lucia wieġbu għall-ewwel darba meta Alan da Silva Souza dar tajjeb ma’ difensur avversarju qabel kellu x-xutt fil-baxx tiegħu salvat mill-goalkeeper, Henry Bonello.

Fl-44 minuta, Hamrun reġgħu kienu perikolużi per­mezz ta’ xutt fil-baxx mid- distanza ta’ Luke Gambin li iżda ġie salvat mingħajr wisq diffikultá mill-goalkeeper Julani Archibald.

Wara l-mistrieħ l-Ispartans komplew jiddominaw u fis-66 minuta rebħu penalty meta Alan da Silva Souza waqqa’ lil Soufiane Lagzir fil-kaxxa. Mill-11-il metru nkariga ruħu l-istess SOUFIANE LAGZIR li ma żbaljax hekk kif permezz ta’ xutt b’saħħtu tefa’ l-ballun fis-saqaf tax-xibka.

Huma komplew fuq l- offensiva u fis-70 minuta Luke Gambin venven xutt mid-distanza li iżda għad­da jħakkek mal-wieqfa.

HAMRUN S.: 1-Henry Bonello, 4-Darko Gojkovic, 6-Matthew Guillaumier, 7-Joseph Mbong, 9-Soufiane Lagzir (29-Predrag Djordjevic 78), 12-Arthur Oyama (3-Nikolai Micallef 86), 23-Luke Gambin (77-Shaisen Attard 78), 30-Karl Micallef, 33-Isaac Ntow (99-Darren Borg 58), 44-Claude Dielna (8-Christian Mercieca 46), 91-Emerson Marcelina   – Coach: Mark Buttigieg

STA LUCIA: 18-Julani Archibald, 4-Andre Prates, 5-Jurgen Pisani, 6-Nicholas Pulis (88-Emerson Camilleri 86), 7-Gianmarco Conti, 8-Patrick Silva Mota, 9-Vito Plut, 10-Alan da Silva Souza (30-Brady Agius 86), 23-Dexter Xuereb, 27-Andreas Vella (11-Francisco Eliomar Rodrigues Farias 38), 98-Kieran Xuereb (14-Jan Tanti 38)   – Coach: Oliver Spiteri

REFEREE: Fyodor Zammit

ASS. REFEREES: Edward Spi­teri, Mark Ciantar

RABA’ UFF: Andrea Sciriha

SKORERS: D. Gojkovic 3, L. Gambin 29, S. Lagzir 66 pen (HS)

AMMONITI: J. Pisani, A. Prates (SL), I. Ntow, D. Gojkovic (HS)

Sport