Melita …….….2
Hibernians …..3
Minn Cristian Muscat
F’partita ferm entużjażmanti u li pproduċiet xejn inqas minn ħames goals, Hibernians, kisbu rebħa drammatika kontra Melita meta għelbuhom bl-iskor ta’ 3-2, proprju fl-aħħar azzjoni tal-logħba.
Minkejja din it-telfa, wieħed irid ifaħħar il- wirja tal-Ġiljaniżi li taw daqskemm qalgħu u qatt ma dehru inferjuri, tant, li kellhom ukoll il-mumenti tagħhom.
Kienu Hibernians li ħarġu fuq l-offensiva u fit-tmien minuta xutt ta’ Jurgen Degabriele ġie devjat f’corner mid-difiża ta’ Melita.
Fis-16-il minuta, il-midfielder Pawlist, Giannis Bastianos, kellu x-xutt tiegħu salvat parzjalment mill-goalkeeper ta’ Melita, Aleksander Lubik, u mir-rebound, Federico Falcone tefa’ għoli.
Minuta biss wara, Hibernians kienu sfortunati li ma fetħux l-iskor meta Falcone kellu t-tentattiv tiegħu jistampa mal-wieqfa, b’Melita jeħilsuha ħafif.
Iżda, fil-41 minuta, huma ma kellhomx jiġu mċaħħda meta l-istess FEDERICO FALCONE wara li rċieva minn cross ta’ Alex Bruno, mill-viċin għeleb għal kollox lill-goalkeeper, Aleksander Lubik.
Fit-tieni taqsima, Melita ħarġu aktar avventurużi u proprju fit-tieni minuta, huma għamlu l-iskor indaqs meta wara li rċieva minn corner ta’ Matthew Debattista, ALDAIR PENA SIMANCA bir-ras ħasad għal kollox lill-goalkeeper Hugo Sacco.
Madankollu, Hibernians għamlu reazzjoni mmedjata u fit-52 minuta reġgħu marru fil-vantaġġ meta Jurgen Degabriele pprovda l-assist lil LUCAS CARUANA li mill-viċin ma ħafirx.
Il-partita kompliet tisbieħ u, fis-56 minuta, Melita reġgħu kisbu d-draw meta minn azzjoni ta’ free-kick, mogħti minn Matthew Debattista, MARC VAN DE FONT BOVENKAMP permezz ta’ daqqa ta’ ras preċiża għeleb lil Sacco.
Fid-59 minuta, il-goalkeeper ta’ Melita, Lubik kien strumentali meta salva tajjeb daqqa ta’ ras tal-attakkant Pawlist, Falcone.
Dan sabiex fil-ħin miżjud, il-Pawlisti skorjaw il-goal tar-rebħa b’mod drammatiku meta FEDERICO FALCONE mill-viċin sab ix-xibka u xeħet lill-partitarji ta’ Hibernians f’dellirju ta’ ferħ, biex b’hekk irreġistra doppjetta personali.
MELITA: 12-Aleksander Lubik, 3-Aldair Pena Simanca, 6-Jean Pierre Attard, 7-Karl Mohnani (5-Michael Cachia 87), 9-Andre Carlos Penha Da Costa, 10-Matthew Debattista (77-Santiago Martinez Perlaza 78), 11-Alan Borg Olivier, 13-Marc Van De Font Bovenkamp, 14-David Xuereb (18-Ensell Attard 87), 21-Nick Cutajar (26-Kurt Bondin 82), 29-Henrique Marcelino Motta – Coach: Clive Mizzi
HIBERNIANS: 30-Hugo Sacco, 4-Alfred Silas (7-Lucas Villela Lapert 84), 5-Kurt Shaw, 6-Lucas Caruana, 8-Rordigo Fraga, 10-Jurgen Degabriele, 14-Dexter Xuereb, 20-Federico Falcone, 21-Alex Bruno De Souza Silva, 23-Matthew Ellul, 29-Giannis Bastianos – Coach: Branko Nisevic
REFEREE: Ezekiel Barbara
ASS. REFEREES: James Muscat, Mitchell Scerri
RABA’ UFF: Ishmael Barbara
SKORERS: F. Falcone 41, 94, L. Caruana 52 (H), A. Simanca Pena 47, M. Van De Font Bovenkamp 58 (M)
AMMONITI: L. Caruana, K. Shaw (H); A. Simanca Pena, J. P. Attard, S. M. Perlaza (M)