Birkirkara …….1
Hibernians ……2
Minn Cristian Muscat
F’festa ta’ football, fil-finali tal-FA Trophy, Hibernians għelbu lil Birkirkara bl-iskor ta’ 2-1 biex filwaqt li rebħu dan l-unur għall-11-il darba fl-istorja tal-club, rebħu wkoll id-dritt li staġun ieħor jilagħbu fil-UEFA Conference League.
Bla dubju, detrimentali għal Birkirkara kien il-fatt li kmieni fil-partita tkeċċa għalihom Alessandro Coppola, biex ħalla lit-team tiegħu jilgħab bi player inqas għal aktar minn 75 minuta.
Fit-13-il minuta, Birkirkara qalgħu daqqa ta’ ħarta kbira meta spiċċaw jilagħbu bi player inqas meta d-difensur ċentrali Taljan, Alessandro Coppola, ġie muri l-karta l-ħamra wara li waqqa’ lil Natha Miullen Felicio Carvalho li kien destinat li jkompli javvanza lejn il-lasti avversarji.
U proprju mill-free-kick li rriżulta minuta biss wara, Hibernians fetħu l-iskor meta l-Grieg ILIAS APOSTOLOS MARTINIS venven xutt mill-isbaħ li ħasad għal kollox lill-goalkeeper Giacomo Volpe, fost id-dellirju ta’ ferħ tal-partitarji numerużi tal-Pawlisti.
Inkoraġġiti mill-fatt tassuperjoritá numerika, il-Pawlisti komplew iżidu fil-logħob tagħhom u fis-27 minuta, Lucas Vilella Lapert, venven xutt mid-distanza iżda sab lil Volpe attent.
Madankollu, fl-aħħar 10 minuti tal-ewwel taqsima, Birkirkara għamlu reazzjoni u ġiegħlu lil Hibernians jirtiraw lura.
Fis-37 minuta, l-Istripes resqu viċin li jiksbu d-draw meta ż-żagħażugħ, Nicholas James Agius, kellu x-xutt fil-baxx salvat bi bravura mill-goalkeeper, Pablo Nino Sanchez, biex evita goal ċert.
Huma komplew jippressaw u fil-45 minuta, il-captain Alex Satariano indirizza cross għan-nofs iżda Leandro Lacunza, li kien f’pożizzjoni ideali ma rnexxielux jagħmel kuntatt mal-ballun, bl-azzjoni tisfuma fix-xejn.
U f’botta u risposta, Khevin Rodrigo Fraga għall- Pawlisti ittanta xortih permezz ta’ xutt mid-distanza li iżda ntemm ftit barra.
Fil-50 minuta, Hibernians kienu għoddhom għajtu l-għajta tal-goal għat-tieni darba meta Villela Lapert irċieva pass mix-xellug, dar tajjeb ma’ difensur avversarju qabel spara xutt mill-viċin li sab lil Volpe attent hekk kif dawwar f’corner bi bravura.
Il-partita kompliet tisbieħ u fis-57 minuta Birkirkara reġgħu resqu viċin li jagħmlu l-iskor indaqs meta Pablo Leonel Gaitan minn taħt il-lasti sab lil Sanchez iwettaq save kbir biex ċaħħad lill-Karkariżi minn goal ċert.
Iżda, fit-63 minuta, kienu Hibernains li kellhom f’saqajhom il-ballun tat-tieni goal meta Lucas Villela Lapert minn pożizzjoni ferm ideali kellu x-xutt fil-baxx jintemm ftit barra.
Madankollu, fit-72 minuta, Birkirkara kisbu d-draw permezz ta’ free-kick minn barra l-kaxxa tal-Brażiljan MAXUEL MAIA li sa dak il-ħin ma tantx kien effettiv.
Iżda kien goal mill-isbaħ biex reġa’ nissel tama ġdida fil-Karkariżi li kien jimmeritahom li jiksbu d-draw minħabba li kienu l-aħjar team minkejja li kienu b’inferjoritá numerika.
Iżda, l-partita offriet aktar drama hekk kif fit-80 minuta, Hibernians skorjaw dak li kellu jkun il-goal tar-rebħa li qabad lill-Karkariżi fuq sieq waħda … meta mill-corner mogħti minn Ilias Apostolos, KURT SHAW żmarka lilu nnifsu u minn tarf il-kaxxa sammar il-ballun b’daqqa ta’ ras stupenda biex xeħet lill-partitarji Pawlisti f’dellirju ta’ ferħ.
Sitt minuti wara, huma setgħu għalqu l-partita meta fallew ċans tad-deheb li jiskorjaw it-tielet goal meta Alex De Bruno ndirizza cross preċiż li sab lil Villela Lapert li mill-viċin kellu t-tentattiv tiegħu jistampa mal-wieqfa.
Wara l-partita, il-president tal-MFA, Bjorn Vassallo, ippreżenta l-FA Trophy lill-captain ta’ Hibernians, Bjorn Kristensen.
Peró, anke jekk il-Karkariżi ħarġu diżappuntati minn din il-finali … huma għandhom iħossuhom kburin għall-prestazzjoni brillanti li ppreżentaw bi player inqas.
BIRKIRKARA: 1-Giacomo Volpe, 4-Luis Mario Mina Cordova, 6-Pablo Leonel Gaitan (93-Gislain Yikpe 80), 13-Tomislav Papazov, 20-Alessandro Coppola, 24-Leandro Lautaro Lacunza, 25-Neil Micallef, 27-Alessandro Coppola, 59-Stephane Donovan Makoma, 91-Maxuell Maia, 92-Nicholas James Agius (9-Kemar Reid 61) – Coach: Stefano De Angelis
HIBERNIANS: 25-Pablo Nino Sanchez, 3-Rui Bruno Ribeiro, 4-Alfred Silas (14-Dexter Xuereb 77), 5-Kurt Shaw, 7-Lucas Vilella Lapert (20-Federico Falcone 95), 8-Rodrigo Khevin Fraga, 9-Natha Miuleln Felicio Carvalho (23-Matthew Ellul 65), 10-Jurgen Degabriele (21-Alex Bruno De Souza Silva 65), 11-Bjorn Kristensen, 22-Ilias Apostolos Martinis, 31-Henrique Pedro Nunes Silva – Coach: Branko Nisevic
REFEREE: Malcolm Spiteri
ASS. REFEREES: James Muscat, Duncan Spiteri
RABA’ UFF: Trustin Farrugia Cann
SKORERS: I. A. Martinis 14. K.Shaw 80 (H), M. Maia 72 (B)
AMMONITI: A. Silas, B. Kristensen, P. H. Nunes Silva, K. R. Fraga, P. N. Sanchez (H), L. L. Lacunza (B)
TKEĊĊA: A. Coppola 13 (B)
ATTENDENZA: 5,017