Hibernians ……..1
Gudja United ….0
Hibernians irritornaw għar-rebħ meta għelbu lil Gudja United bl-iskor minimu ta’ 1-0. Kienet rebħa meritata għall-Pawlisti iżda wieħed ma jrid ineħħi xejn mill-mertu tal-Gudjani li offrew oppożizzjoni denja.
Madankollu, detrimentali għalihom kienet it-tkeċċija tal-captain Karl Micallef fil-75 minuta, hekk kif imbagħad kienu fqar mill-ideat u naqsu milli jimpostaw il-logħob tagħhom.
Kienet ukoll rebħa importanti għall-moral ta’ Hibernians, wara bidu ta’ staġun ferm diżappuntanti għalihom.
Hibernians ħolqu l-ewwel periklu fit-13-il minuta meta xutt ta’ Giannis Bastianos minn barra l-kaxxa ġie salvat mingħajr wisq diffikultá mill-goalkeeper, Yaren Sozer.
Il-logħob kien karatterizzata minn ħafna logħob f’nofs il-ground, fejn kien biss fit-42 minuta li ġiet innotata azzjoni oħra denja ta’ nota, bil-Pawlisti jkunu huma li joħolqu l-periklu meta Giannis Bastianos kellu xutt mill-viċin li ħabat max-xibka minn barra, biex ta l-illużjoni tal-goal.
Minuta biss wara Claudio Bonanni ttanta xortih permezz ta’ xutt mid-distanza li iżda għadda ftit għoli.
Il-pressjoni kienet kollha fuq il-Pawlisti u fis-47 minuta fetħu l-iskor meta GIANNIS BASTIANOS avvanza tajjeb, ġie wiċċ imb’wiċċ ma’ Yaren Sozer, u b’opportuniżmu liema bħalu tefa’ l-ballun fix-xibka, b’dan ikun ir-raba’ goal staġjonali tiegħu.
U biex l-affarijiet ikomplu sejrin ħażin għal Gudjani, fl-74 minuta, huma spiċċaw jilagħbu b’10 players meta tkeċċa Karl Micallef wara li rċieva ammonizzjoni doppja fi spazju ta’ ftit sekondi … it-tnejn minħabba rimarki li għadda fil-konfront tar-referee, Ishmael Barbara.
Fid-90 minuta, freekick ta’ Matias Muchardi għal Gudja għadda ftit għoli.
Inkoraġġiti mill-fatt li bdew jilagħbu bi player iktar, Hibernians, komplew jamministraw il-vantaġġ minimu li kellhom sa tmiem il-partita.
HIBERNIANS: 24-Ibrahim Kone, 5-Kurt Shaw, 7-Ayrton Attard, 8-Robert Bairam (20-Owen Magro 90), 9-Armen Hovhanissyan, 18-Samuel Okoh, 21-Alex Bruno De Souza Silva (10-Jurgen Degabriele 65), 23-Claudio Bonanni, 29-Giannis Bastianos (99-Luiz Henrique Guedes 88), 31-Eriks De Souza (22-Gabriel Izquier Artiles 65), 77-Rodney Antwi – Coach: Branko Nisevic
GUDJA U.: 1-Yaren Sozer, 10-Shaisen Attard (8-Sean Cipriott 65), 11-Matias Muchardi, 13-James Arthur, 17-Gabriel Mensah (9-Santiago Angulo 65), 18-Conor Borg (24-Walter Omar Serrano 73), 22-Ricardo Mendes (99-Gianluca Zammit 90), 23-Neil Tabone, 30-Karl Micallef, 77-Abou Toure, 88-Mirko Esposito – Coach: Jesmond Zammit
REFEREE: Ishmael Barbara
ASS. REFEREES: Duncan Spencer, Mark Ciantar
RABA’ UFF: Slobodan Petrovic
SKORER: G. Bastianos 47 (H)
AMMONITI: R. Mendes, A. Toure, K. Micallef (2) (GU), K. Shaw (H)
TKEĊĊA: K. Micallef 75 (GU)