Is-sewwieq Olandiż, Max Verstappen, kiseb l-ewwel rebħa tiegħu u tar-Red Bull tal-istaġun b’wirja dominanti fil-Grand Prix tal-Bahrainm li kien wieħed drammatiku, li minħabba s-sitwazzjoni fil-Lvant Nofsani sar fiċ-Ċirkwit Internazzjonali ta’ Sepang, fil-Malasja.
Verstappen spiċċa quddiem it-Taljan, Kimi Antonelli, tal-Mercedes, li għamel pass importanti lejn l-ewwel titlu mondjali tiegħu wara li l-kollega tiegħu, il-Brittaniku, George Russell, kellu jirtira mit-tielet post ħames dawriet mit-tmiem minħabba problema fil-power unit. Antonelli issa għandu vantaġġ ta’ 84 punt fuq Russell, meta fadal seba’ tiġrijiet għat-tmiem.
Lewis Hamilton wettaq rimonta spettakolari biex spiċċa fit-tielet post. Il-Brittaniku għażel tyres rotob għall-bidu fuq korsa mxarrba, iżda din l-għażla ħallietu jaqa’ lejn in-naħa ta’ wara u jitlef kważi minuta. Minkejja dan, Hamilton irnexxielu jerġa’ jidħol fit-taqtiegħa u qabeż lil Isack Hadjar tliet dawriet mit-tmiem.
Il-Grand Prix beda b’kaos, hekk kif xita tropikali qawwija wasslet għal dewmien ta’ siegħa u nofs. Diversi problemi tekniċi wasslu wkoll biex xi karozzi jimxu bil-mod ħafna waqt id-dawra tal-warm-up.

Wara l-bidu, Verstappen malajr reġa’ qabeż lil Russell u mbagħad ħa l-vantaġġ mingħand Antonelli. Minn dak il-mument, is-sewwieq Olandiż ikkontrolla t-tellieqa b’mod impressjonanti.
Is-Safety Car lejn it-tmiem tat il-possibbiltà għal finali eċċitanti, iżda Verstappen baqa’ mingħajr l-ebda sfida. Russell irtira, filwaqt li Lando Norris spiċċa fid-disa’ post wara inċident li ġiegħlu joħroġ fuq iż-żrar.
Bħalissa l-klassifika (ta’ fuq) ġenerali hija: 320 – Kimi Antonelli; 236 – Kimi Antonella; 214 – Lewis Hamilton; 191 – Charles Leclerc; 188 – Lando Norris, Max Verstappen; 128 – Oscar Piastri





