B’deċiżjonijiet responsabbli se nwettqu l-manifest elettorali tul leġiżlatura sħiħa

– il-Prim Ministru Robert Abela fl-għeluq tal-Konferenza Ġenerali

Aqra wkoll

Ir-romol se jibdew jieħdu l-pensjoni sħiħa li kellhom il-konjugi tagħhom

Sentejn krediti tal-bolla għal żgħażagħ li jkunu qed jirrijabilitaw ruħhom

F’diskors tal-għeluq tal-Konferenza Ġenerali tal-Partit Laburista, il-Prim Ministru u Mexxej Laburista Robert Abela irrijafferma li l-manifest elettorali li ġie approvat mid-Delegati, mill-membri tal-Partit Laburista u mill-maġġoranza assoluta tal-poplu Malti u Għawdxi se jiġi mwettaq kollu, kif sar qabel, b’deċiżjonijiet responsabbli tul leġiżlatura sħiħa. Dan f’kuntest ta’ sfidi internazzjonali li komplew jgħollu rashom iżda li f’Malta hawn Gvern Laburista tarka għall-familji u n-negozji u se jibqa’ jassigura b’mod ewlieni s-sussidju fuq il-prezzijiet tal-enerġija u l-fjuwil.

Il-Prim Ministru Robert Abela nnota l-awsterità li għaddejja lil hinn minn xtutna u kif xi Gvernijiet bdew biss jagħtu biċċa minn dak li Gvern Laburista ilu jagħti sa mill-2013 ’il quddiem. Qal li flimkien mad-Deputat Prim Ministru Ian Borg, il-Ministru għall-Finanzi Clyde Caruana u l-kumplament tal-Kabinett, se jkompli jieħu deċiżjonijiet responsabbli f’direzzjoni waħda favur il-ġid ta’ pajjiżna. Hawn innota li l-Oppożizzjoni baqgħet biss twiegħed b’mod fieragħ u fakkar kif fil-kampanja elettorali, il-Partit Nazzjonalista beda biss iwiegħed ftit iżjed minn dak li beda joffri l-Partit Laburista iżda l-moviment politiku li jmexxi Dr Abela, jagħti lill-poplu dak kollu li hu realistiku.

Spjega li fil-Budget li jmiss, il-Gvern se jibqa’ jkun mal-poplu u jwieżen lin-nies. Dr Abela qal li se jkun hemm deċiżjonijiet ta’ sostenibbiltà tal-pajjiż biex flimkien ma nitilfux dak li ksibna. Il-Prim Ministru nnota wkoll miżuri li twettqu fl-ewwel mitt jum ta’ Gvern ġdid fosthom il-garanzija għall-White Rocks li jkun park nazzjonali, beda l-proġett tal-estensjoni tal-Emerġenza fl-isptar Mater Dei, bidliet fil-liġi tal-IVF, lezzjonijiet tal-għawm mingħajr ħlas għat-tfal, żdiedet bi tliet darbiet aktar l-għotja finanzjarja għall-Kapijiet tal-iskejjel biex jgħinu tfal vulnerabbli u ġew estiżi l-ħinijiet tal-fast ferry mill-Belt għal Buġibba u Għawdex u anki s-servizz tal-ferry fil-Portijiet għall-Belt.

Il-Prim Ministru Robert Abela sostna li mhux se nieqfu hawn u ħabbar li fil-Budget li jmiss, se tkun qed titwettaq miżura li bdiet tiġi implimentata gradwalment fl-aħħar snin, dik li r-romol jieħdu l-pensjoni sħiħa, l-istess waħda li kellhom żwieġhom. Qal li din se tiġri għall-ewwel darba fl-istorja fejn armla sa issa ma tieħux il-pensjoni sħiħa taż-żewġ terzi li kellu l-konjugi tagħha. Ħabbar ukoll miżura oħra tal-manifest Int Malta, li se titwettaq fejn se jingħataw krediti ta’ bolla lil żgħażagħ bi problemi ta’ mġiba li jgħaddu żmien jirrijabilitaw ruħhom fuq ordni ġudizzjarja biex jintegraw lura fis-soċjetà u fl-istess ħin jitħarrġu f’sengħa.

Il-Prim Ministru semma ħidma importanti wkoll li twettqet fl-aħħar xhur favur komunitajiet siguri u fis-settur edukattiv. Qal li dan nibqgħu nagħmluh b’ekonomija b’saħħitha u mhux bil-qtigħ il-qalb li tipprova ġġib l-Oppożizzjoni. Il-Prim Ministru temm id-diskors tiegħu billi saħaq li bħala moviment politiku rridu nibqgħu viċin in-nies, billi nibqgħu umli u nirrispondu għar-realtajiet taċ-ċittadini biex b’hekk nibqgħu nagħtu direzzjoni ċara li tmexxi ’l quddiem lil pajjiżna.

LEAVE A REPLY

Please enter your comment!
Please enter your name here

Sport