Minn Cristian Muscat
Gudja United …..0
Hibernians …….2
Hibernians għamlu pass kbir lejn ir-rebħ tat-titlu meta għelbu lil Gudja United bl-iskor ta’ 2-0 biż-żewġ goals jaslu fit-tieni taqsima.
Kienu Hibernians li ħolqu l-ewwel periklu meta fit-13-il minuta x-xutt ta’ Dunstan Vella minn tarf il-kaxxa għadda jħakkek mal-wieqfa.
Fil-21 minuta huma reġgħu heddew meta mill-free-kick ta’ Jurgen Degabriele, Hugo da Costa Oliveira ra d-daqqa ta’ ras tiegħu minn taħt il-lasti tintemm għoli.
Fid-29 minuta, Gudja tilfu s-servizzi ta’ Justin Grioli meta sofra injury biex fil-post tiegħu daħal is-sostitut Kyle Galea.
Tliet minuti wara, il-Pawlisti kienu sfortunati meta l-free-kick ta’ Gabriel Artiles stampa mal-mimduda bil-goalkeeper, Glenn Zammit, megħlub għal kollox.
Fil-ħin miżjud tal-ewwel taqsima, Hibernians reġgħu kienu sfortunati meta Da Costa Oliveira għadda bit- takkuna lejn DunstanVella li kellu x-xutt imblukkat biex mir-rebound Jake Grech naqas li jinkwadra l-lasti minn pożizzjoni ferm ideali.
Minuta wara, Llywelyn Cremona, kien għoddu ħasad lil Ibrahim Kone b’xutt bid-dawra. Hibernians wieġbu b’daqqa ta’ ras ta’ Da Costa Oliveira iżda kienet wisq ċentrali.
Fil-ftuħ tat-tieni taqsima Hibernians komplew bl-istess ritmu biex jiksbu dak il-goal importanti.
U fid-59 minuta huma ġew ippremjati meta Thaylor Aldama indirizza cross li sab lil FERDINANDO APAP li b’daqqa ta’ ras preċiża tefa’ ġewwa.
Fil-65 minuta Dunstan Vella ġie mċaħħad minn sieq il-lasta peró l-istess player aċċerta r-rebħa Pawlista fil-85 minuta, meta bidel il-ballun ma’ Jake Grech, qabel għeleb lill-goalkeeper.
Bla dubju, kien goal li beda ċ-ċelebrazzjonijiet tal- partitarji Pawlisti lejn ir- rebħ tal-kampjonat.
GUDJA U.: 1-Glenn Zammit, 3-Tatsuro Nagamatsu, 5-Matias Muchardi, 8-Rodolfo Soares, 10-Llywelyn Cremona (29-Giorgi Nikabadze 82), 13-James Arhur, 22-Hubert Vella (7-Aidan Jake Friggieri 70), 23-Neil Tabone (28-Nika Dzalamidze 70), 24-Neil Anthony Micallef, 25-Juan Ramires Bolanos, 27-Justin Grioli (Kyle Galea 29) – Coach: Thane Micallef
HIBERNIANS: 24-Ibrahim Kone, 3-Ferdinando Apap, 4-Leandro Almeida, 8-Jake Grech (17-Erjon Beu 89), 10-Jurgen Degabriele (30-Alvaro Muniz Cegarra 83), 12-Dunstan Vella, 18-Thaylor Aldama (13-Zachary Scerri 82), 20-Andrei Agius, 22-Gabriel Artiles, 42-Ali Diakite, 70-Hugo Filipe Da Costa Oliveira (88-Wilfried Domoraud 61) – Coach: Stefano Sanderra
REFEREE: Emanuel Grech
ASS. REFEREES: Mitchell Scerri, Shaun Calleja
RABA’ UFF: Alex Johnson
SKORERS: F. Apap 59, D. Vella 85 (H)
AMMONITI: N. Tabone, H. Vella, G. Zammit, J. Arthur (GU)