Wednesday, July 16, 2025

“Ħidma biex ħadd ma jibqa’ lura u kulħadd ikollu ċ-ċans jirnexxi”

Intervista mal-Ministru għall-Edukazzjoni, l-Isport, iż-Żgħażagħ, ir-Riċerka u l-Innovazzjoni, Clifton Grima

Carmen Cachia
Carmen Cachia
Ġurnalista

Aqra wkoll

“L-edukazzjoni m’għadhiex biss dwar tagħlim mill-kotba imma dwar kif tħejji tfal għal ħajja b’għarfien, b’valuri u b’kontribuzzjoni pożittiva lis-soċjetà. L-investimenti li qegħdin nagħmlu llum, minn teknoloġija għal pedagoġija, minn sport għal inklużjoni, huma kollha b’għan wieħed: li ħadd ma jibqa’ lura u kulħadd ikollu ċ-ċans jirnexxi.”

Qal dan il-Ministru għall-Edukazzjoni, l-Isport, iż-Żgħażagħ, ir-Riċerka u l-Innovazzjoni, Clifton Grima, f’intervista ma’ dan is-sit li fiha tajna ħarsa lejn tmiem sena skolastika oħra. Hawn naraw kontintwità u progress fi żmien ta’ trasformazzjoni importanti bi programmi għall-istudenti skont il-bżonnijiet tagħhom. 

Il-Ministru Grima, filwaqt li jidħol fid-dettall dwar il-Programm Akkreditat ta’ Tranżizzjoni għall-Istudenti ta’ 11-il sena mħabbra fl-Istrateġija Nazzjonali Għall-Edukazzjoni 2024-2023, jispjega l-proċess tat-tqassim ta’ laptops u tablets bħala parti mill-Istrateġija Diġitali tal-Edukazzjoni. Għadd ta’ studenti din is-sena ngħataw għal dejjem u bla ħlas tablets li kienu ngħataw fir-Raba’ sena, inizjattiva li tfisser ħafna biex l-aċċess diġitali jkun aċċessibbli għal kulħadd, inkluż familji vulnerabbli.

F’din l-intervista mmissu diversi temi relatati mas-settur edukattiv li jinkludu miżuri ġodda fosthom dawk meħuda wara l-pandemija tal-Covid-19, unuri, sfidi, kif ukoll politiċi ġodda. Barra minnhekk, avolja issa fi żmien is-sajf l-iskejjel “jieqfu”, mhuwiex se jieqaf ix-xogħol f’ħafna minnhom. Barra l-inizjattivi ta’ SkolaSajf u Klabb 3-16, f’numru sabiħ ta’ skejjel, madwar il-pajjiż se jkun għaddej xogħol importanti ta’ manutenzjoni u riġenerazzjoni. Interventi b’investiment kbir għall-benefiċċju tal-istudenti tagħna. 

Dawn huma l-mistoqsijiet li għamilna lill-Ministru tal-Edukazzjoni Clifton Grima, dwar it-tmiem tas-sena skolastika 2024 – 2025:

  1. Wasalna fi tmiem sena skolastika oħra. B’mod ġenerali kif tara li marret din is-sena għall-istudenti lokali?

Din is-sena skolastika kienet waħda b’sens ta’ kontinwità u progress fejn komplejna trasformazzjoni importanti. Kienet sena li fiha żdiedu l-opportunitajiet għall-istudenti kollha b’diversi programmi li jindirizzaw il-bżonnijiet differenti tagħhom. Il-mira tagħna tibqa’ dik li kull student jirnexxi skont il-potenzjal tiegħu u għalhekk ir-riżultati miksuba, kemm f’dak li huwa tagħlim formali kif ukoll f’dak li huwa żvilupp personali, huma ta’ sodisfazzjon kbir. Ħdimna wkoll biex intejbu l-ambjent skolastiku u r-relazzjoni bejn l-iskola u l-familja, li huma essenzjali għas-suċċess tal-istudent.

Wieħed mill-proġetti pilota li kellu suċċess kbir u li ħalla l-frott kien il-Programm Akkreditat ta’ Tranżizzjoni għal Studenti tal-11-il Sena.  Din l-inizjattiva, li ġiet imneħħba mill-Istrateġija Nazzjonali Għall-Edukazzjoni 2024-2023, hija mfassla biex toffri lill-istudenti tal-11-il sena bi statement of needs u li mhumiex jagħmlu l-eżamijiet tas-SEC, b’esperjenza ta’ tagħlim strutturat u li jiffoka fuq it-tranżizzjoni mis-sistema obbligatorja għal dik post-sekondarja.

Il-programm ta’ sitt ġimgħat, li ngħata t-timbru ta’ best practice mid-Dipartiment għall-Kwalità u Standards fl-Edukazzjoni, jintegra l-ħiliet essenzjali tal-ħajja fl-oqsma tas-sostenibbiltà, il-benesseri, iċ-ċittadinanza globali, il-ħiliet diġitali u l-profiċjenza vokazzjonali u b’ hekk jiffaċilità tranżizzjoni bla xkiel lejn edukazzjoni ulterjuri, taħriġ vokazzjonali jew impjieg.  

Il-programm kellu taħlita rikka ta’ workshops, tagħlim esperjenzali, mentoring u opportunitajiet ta’ tagħlim mhux formali. Dan l-approċċ varjat huwa mfassal biex jimpenja b’mod attiv lill-istudenti, jgħinhom jiksbu ħiliet essenzjali tal-ħajja, jibnu l-fiduċja u jesploraw perkorsi futuri f’ambjent ta’ appoġġ u prattiku. 

Fih l-istudenti ngħataw iċ-ċans li jitgħallmu fost l-oħrajn dwar konsum u produzzjoni responsabbli, l-identifikazzjoni u l-ġestjoni ta’ emozzjonijiet, il-bini ta ’relazzjonijiet pożittivi u ħiliet għar-riżoluzzjoni ta’ konflitti,  l-iżvilupp tal-awtostima u r-reżiljenza u l-użu ta’ għodod diġitali għat-tagħlim, komunikazzjoni u kreattività. 

Il-programm ġie żviluppat ma’ diversi aġenziji bħall-Aġenzija Żgħażagħ, il-Fondazzjoni Lino Spiteri, id-Direttorat għat-Tagħlim Tul il-Ħajja u l-Employability u Let’s Talk Farming, fejn ħoloq bażi aktar b’saħħitha għat-tranżizzjoni lejn edukazzjoni post-sekondarja jew impjieg.

Din is-sena l-Gvern beda jqassam laptops lill-istudenti. Liema Year Groups bbenefikaw minn din l-iskema u se tkun estiża għal Year Groups oħra? Dan ifisser li hemm ħsieb li maż-żmien ikun eliminat il-bżonn ta’ kotba u basktijiet tqal? Kemm huwa dan l-investiment? Dawn tqassmu fl-iskejjel tal-Gvern biss?

Il-proċess ta’ tqassim tal-laptops lill-istudenti f’Malta qiegħed jitwettaq bħala parti mill-viżjoni mifruxa fl-Istrateġija Nazzjonali għall-Edukazzjoni u l-Istrateġija Diġitali tal-Edukazzjoni. Il-Gvern beda dan il-programm b’mod gradwali u strutturat bil-għan li jilħaq lill-istudenti ta’ Years 7, 8 u 9 f’iskejjel tal-Istat, tal-Knisja u indipendenti sa Ottubru 2025. 

L-għan huwa li l-inizjattiva titwessa’ b’mod progressiv biex tinkludi Year Groups oħra fil-futur. Din l-iskema sservi bħala pilastru ta’ sistema edukattiva moderna u inklussiva li ssaħħaħ l-ugwaljanza fl-aċċess għat-tagħlim u tnaqqas id-dipendenza fuq kotba stampati u basktijiet tqal, mingħajr ma tneħħi għal kollox l-użu tagħhom minnufih.

L-użu tal-laptops mhuwiex biss jiftaħ il-bibien għal approċċ edukattiv aktar personalizzat u interattiv iżda, jindirizza wkoll kwistjonijiet fiżiċi u loġistiċi li jaffettwaw lill-istudenti fil-ħajja ta’ kuljum. L-investiment f’din l-iskema jammonta għal miljuni ta’ ewro u jkopri mhux biss l-apparat innifsu, iżda wkoll infrastruttura teknoloġika msaħħa fl-iskejjel u taħriġ professjonali lill-għalliema ħalli jużaw it-teknoloġija b’mod effettiv fit-tagħlim. 

Din l-inizjattiva hija rikonoxxuta bħala pass essenzjali lejn sistema edukattiva li tħaddan l-innovazzjoni, it-tagħlim ibbażat fuq kompetenzi u l-litteriżmu diġitali, li kollha jinsabu fil-qalba tal-istrateġiji nazzjonali għall-edukazzjoni f’Malta.

Barra minn din l-iskema, il-Gvern ta b’xejn għal dejjem it-tablets imqassma lill-istudenti fil-Primarja. Din intlaqgħet tajjeb ħafna mill-ġenituri. Xtaqna nkunu nafu x’wassal għal dan il-pass u kemm swiet lill-Gvern?

Iktar minn tablets, il-Gvern beda jqassam two-in-one devices lill-istudenti tar-Raba’ u l-Ħames Sena bħala parti mill-programm “One Device Per Child”. Filwaqt li qabel l-istudenti kienu jingħataw tablet, ħassejna l-ħtieġa li nevolvu u nagħtuhom apparat aktar versatili li jgħaqqad il-benefiċċji tat-tablet ma’ dawk tal-laptop. Dan qiegħed jgħin biex it-tfal tar-Raba’ u l-Ħames Sena jiġu ppreparati aħjar għall-użu tal-laptops fis-Seba’ Sena, li jingħataw mill-Gvern bħala parti mill-viżjoni tagħna għall-edukazzjoni diġitali.

Il-pass biex dan l-apparat jibqa’ b’mod permanenti għand l-istudenti u mhux sempliċement fuq self temporanju kien deċiżjoni li ntlaqgħet tajjeb ħafna mill-ġenituri u l-edukaturi bħala mezz ta’ sostenn fit-tagħlim id-dar u għat-tisħiħ tal-ħiliet diġitali tat-tfal tagħna. Dan huwa parti mill-impenn tal-Gvern biex jippromwovi l-użu tat-teknoloġija mit-tfulija u biex kull tifel u tifla jkollhom l-istess opportunitajiet ta’ aċċess għal għodod moderni fit-tagħlim tagħhom.

Madankollu, bħalma jsir għal kull miżura, fid-dawl tal-iżviluppi kontinwi fit-teknoloġija u l-ħtieġa li nassiguraw l-aħjar użu tar-riżorsi pubbliċi, il-ħarsien tas-sostenibbiltà fit-tul ta’ din l-inizjattiva jista’ jiġi rivedut fil-futur, biex niżguraw li l-miżura tibqa’ tissodisfa l-għanijiet edukattivi u l-ħtiġijiet tal-istudenti tagħna.

Għaddew tliet snin mill-agħar żmien tal-Covid. Dak iż-żmien l-istudenti kellhom sfida li jkomplu bl-istess ritmu tat-tagħlim tagħhom. Qegħdin taraw xi effetti fir-rigward u jekk iva, x’qiegħed isir għal dawk li waqgħu lura?

Bħala parti mill-viżjoni tagħna taħt l-Istrateġija Digitali tal-Edukazzjoni tnediet “Eskola” li hija pjattaforma nazzjonali li tipprovdi aċċess għal kontenut edukattiv diġitali allinjat mal-kurrikulu. Din tgħin biex tiġi promossa l-ugwaljanza fl-aċċess għat-tagħlim u tippermetti lit-tfal jistudjaw jew jirrevedu materjal f’kull ħin u minn kull post, skont il-ħtiġijiet tagħhom.

Il-Ministeru ħabbar ukoll ir-riforma tas-Secondary School Qualification and Profile (SSQ&P), li saret aktar inklussiva u tipprovdi opportunitajiet ġodda għall-istudenti kollha.

Dawn il-miżuri juru impenn ċar biex nimxu lejn sistema edukattiva aktar ġusta, flessibbli u reattiva għall-ħtiġijiet reali tal-istudenti tagħna.

Liema kienet l-akbar sodisfazzjon fil-qasam edukattiv Malti għad-Dipartiment f’din is-sena skolastika u min-naħa l-oħra x’kienet l-akbar sfida? Għala?

L-akbar sodisfazzjon għal dan il-Ministeru matul din is-sena skolastika kienet bla dubju r-rebħ tal-Public Service Award for Inspiring Social Responsibility għall-programm Family Community School Link (FCSL). 

Dan l-unur jirrappreżenta aktar minn premju simboliku – huwa ċelebrazzjoni ta’ ħolma kollettiva li saret realtà bbażata fuq il-prinċipju li l-edukazzjoni m’għandhiex tkun biss aċċess għall-klassi, iżda relazzjoni sħiħa u kura bejn l-iskejjel, il-familji u l-komunità. Il-FCSL huwa mudell ta’ servizz pubbliku b’ruħ soċjali li jgħaqqad il-bżonnijiet tat-tfal mal-appoġġ tal-familja u l-impenn tal-komunità.

Sodisfazzjon ieħor sinifikanti kien l-ewwel edizzjoni tal-“Malta School Games”, li laħqet eluf ta’ studenti u ħolqot spazju ġdid fejn it-tfal setgħu jesprimu lilhom infushom mhux biss f’testijiet, imma wkoll f’attività fiżika u ħiliet soċjali. Dan kien akkumpanjat mill-programm Sports Values, li wassal biex l-istudenti jagħmlu medja ta’ ħames sessjonijiet ta’ attività fiżika fil-ġimgħa u b’hekk ġew imħeġġa għal stil ta’ ħajja b’saħħtu u bilanċjat.

F’dan il-kuntest ġiet introdotta wkoll il-politika “Educators as Policymakers”, li għamlet pass kbir lejn riforma edukattiva inklużiva, billi tat vuċi aktar b’saħħitha lill-għalliema fid-deċiżjonijiet strateġiċi u ssieħbet mal-Istrateġija Nazzjonali għall-Edukazzjoni u l-wegħdi tal-manifest elettorali. Din il-politika tfakkarna li l-għalliem mhux biss jgħallem lit-tfal imma, għandu jkun arkitett attiv fil-mod kif l-edukazzjoni tiġi ffurmata u mmexxija.

Barra minnhekk ġie varat il-“Malta Education Foresight Forum”, pjattaforma li għandha l-għan li tidentifika xejriet u żviluppi ġodda fil-qasam tat-teknoloġija u l-edukazzjoni biex tiżgura li l-politiki futuri jkunu proattivi, b’saħħithom u bbażati fuq ħsieb fit-tul.

Min-naħa l-oħra, l-akbar sfida kienet il-tranżizzjoni lejn School-Based Assessment (SBA) fis-Secondary Education Certificate (SEC). Din kienet bidla fundamentali fil-mod kif jiġu evalwati l-istudenti – aktar ġusta, realistika u kontinwa – li kienet teħtieġ ippjanar metikoluż, taħriġ estensiv u konsistenza fl-istandards. Minkejja d-diffikultajiet, din il-bidla kienet meħtieġa u kuraġġuża, li tagħti lill-istudenti mod ieħor kif juru l-ħiliet tagħhom matul is-sena skolastika kollha u mhux biss fi ftit ġranet ta’ eżamijiet.

L-OECD qiegħda tikkollabora b’mod strateġiku mal-Ministeru għall-Edukazzjoni, l-Isport, iż-Żgħażagħ, ir-Riċerka u l-Innovazzjoni f’Malta fuq diversi inizjattivi, inkluż l-iżvilupp ta’ strateġija nazzjonali għall-ħiliet u l-implimentazzjoni tal-Istrateġija dwar l-Edukazzjoni Diġitali 2024–2030. 

L-OECD kienet ukoll involuta f’proġetti relatati mal-viżjoni strateġika u l-governanza antiċipatorja fl-amministrazzjoni pubblika Maltija. Din il-kollaborazzjoni qiegħda tpoġġi lil Malta fuq quddiemnett bħala mudell reġjonali ta’ sistema edukattiva moderna, strateġika u data-driven. Barra minnhekk fl-2024 Malta ċċelebrat 20 sena ta’ parteċipazzjoni fil-programm Ewropew “eTwinning”, li ħoloq opportunitajiet għal kollaborazzjoni transnazzjonali bejn skejjel, speċjalment f’oqsma marbuta ma’ innovazzjoni, kultura u diġitalizzazzjoni. 

Ħafna għalliema Maltin kisbu rikonoxximent Ewropew għall-proġetti ta’ kwalità għolja tagħhom, filwaqt li żdied l-impenn nazzjonali lejn edukazzjoni kooperattiva u inklużiva f’kuntest Ewropew. Proprju hawn, inwassal messaġġ ta’ gratitudni lejn l-edukaturi kollha tagħna, l-istaff, il-ġenituri u l-istudenti stess. Flimkien qegħdin nibnu sistema edukattiva aktar ġusta, inklussiva u mmirata għall-ħiliet tal-futur.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport