Thursday, March 20, 2025

Ħidma biex ikun hawn aktar djar b’rati affordabbli

Claudio Coleiro
Claudio Coleiro
Ġurnalist

Aqra wkoll

Il-Fondazzjoni għall-Akkomodazzjoni Affordabbli qiegħda taħdem mill-qrib ma’ entitajiet pubbliċi bil-għan li fi żmien qasir tkun qed issir possibbli li jkun hawn ammont ta’ djar li jitpoġġew fis-suq b’rati affordabbli u li jkunu disponibbli għal familji, individwi u ħaddiema bi dħul medju.

Iddikjara dan il-Kap Eżekuttiv tal-Fondazzjoni għall-Akkomodazzjoni Affordabbli Dr Jake Azzopardi f’intervista ma’ L-Orizzont fejn tkellem dwar ħidmet il-Fondazzjoni li għalkemm hija relattivament ġdida billi bdiet topera f’Ġunju tal-2023, diġà mbarkat fuq diversi proġetti ta’ fejda għal individwi bi dħul medju.

Il-Kap Eżekuttiv tal-Fondazzjoni fisser kif fir-realtà dan mhux xi ħsieb ġdid fjamant u ddeskrivih bħala proċess twil li beda fl-2017 mis-Segretarju Parlamentari u llum Ministru għall-Akkomodazzjoni Soċjali u Affordabbli, Roderick Galdes. Mir-regolazzjoni tas-suq tal-kera moderna, għar-riforma fil-liġijiet tal-kera l-antiki, għal skemi differenti li għenu xerrejja u inkwilini jilħqu l-prezzijiet tas-suq, l-interventi governattivi kienu ħafna. Dan huwa l-pass li jmiss f’dak il-proċess, kompla jgħid Azzopardi, fejn il-kollaborazzjoni tal-Gvern u l-Knisja, permezz ta’ innovazzjoni soċjali u finanzjarja, qed trendi soluzzjoni b’saħħitha lill-familji ħaddiema. 

Dr Azzopardi qal li f’Malta nafu b’individwi jew koppji li għandhom qrib jew qabżu t-30 sena, illi jaħdmu, jaqilgħu paga medja, jixtiequ jixtru proprjetà iżda minkejja dan kollu, il-prezz li bih qed isibu djar fis-suq ma jweġibx għall-ammont li l-bank ikun lest li jsellifhom.

Dan ifisser, kompla jgħid Dr Azzopardi, li dawn il-persuni mhumiex qed isibu biżżejjed alternattivi diċenti fis-suq li huma jkunu jistgħu jixtru u li huma jistgħu jaffordjaw. Qal li għal dan il-għan twaqqfet il-Fondazzjoni biex tassisti lil dawn il-familji jew persuni b’paga medja sabiex il-ħolma tagħhom issir realtà.

“In-natura tagħna tiffaċilitalna li nikkollaboraw mal-imsieħba kollha li joperaw jew imissu b’xi mod jew ieħor mas-suq tal-proprjetà jew kostruzzjoni. Naħdmu mill-qrib kemm ma’ entitajiet pubbliċi u kemm mas-settur privat fejn insibu interess sinifikanti biex jipparteċipa f’dan is-suq.

“L-interess huwa kbir biex din il-faxxa tikber ta’ persuni li jinsabu fuq dħul medju jew ftit inqas minn medju u li mhumiex isibu biżżejjed alternattivi fis-suq li huma jaffordjaw fl-aħħar insibu l-metodi kif kollha flimkien naslu biex nipprovdulhom prodott li jistgħu jaffordjaw,” tenna l-Kap Eżekuttiv tal-Fondazzjoni għall-Akkomodazzjoni Affordabbli.

Huwa fakkar kif bħal dan iż-żmien sena ilu kienu nedew prodott bankarju “LoanUp” flimkien mal-Bank APS, li huwa maħsub għal individwi u koppji f’impjieg stabbli li d-dħul tagħhom mhux biżżejjed biex jirnexxilhom jidħlu fis-suq tal-proprjetà. Permezz ta’ dan is-self, individwi u koppji issa jistgħu jimxu ’l quddiem fil-miri personali tagħhom.

Dr Azzopardi iżda qal li r-riċerka u r-rispons li kellhom mill-istakeholders urew illi dik fiha nfisha ma kinitx id-destinazzjoni. “Urewna li s-settur tal-akkomodazzjoni bħalissa, is-sanità tiegħu, tirrikjedi stock imsaħħaħ ta’ housing li jitpoġġa fis-suq b’rati deċiżament inqas minn dawk li s-settur privat waħdu jista’ jpoġġi fis-suq,” huwa żied jgħid.

Huwa enfasizza wkoll li “bħala business soċjali rridu bilfors nillimitaw il-profitt tagħna. Hemm il-metodu li wieħed jipprova jindirizza l-prezz tal-art u qed naħdmu mill-qrib ma’ entitajiet pubbliċi biex inpoġġu fis-suq appartamenti, djar, bi prezzijiet inqas minn tas-suq u li jkunu jistgħu jaffordjaw familji, ħaddiema u individwi bi dħul medju.

“Hemm ukoll il-metodu li nindirizzaw il-prezz tal-finanzjament ta’ proġett li huwa fattur importanti ħafna fi proġett ta’ kostruzzjoni u ta’ proprjetà. Qed nibnu strumenti finanzjarji biex sid, żviluppatur privat, kuntrattur, li jrid jibni housing affordabbli li mbagħad lesta timmaniġġja fit-tul il-Fondazzjoni b’rati affordabbli – dak qegħdin nersqu dejjem iżjed lejh.”

Mistoqsi dwar il-viżjoni tal-Fondazzjoni, Dr Azzopardi tenna li “nemmnu li kull min jaħdem għandu jkun jaffordja dar, kemm jekk irid jixtri u kemm jekk irid jikri. Gwidati minn dik il-viżjoni u x-xogħol tagħna huwa indirizzat biex dik il-viżjoni tintlaħaq. Nemmnu li dak jista’ jsir b’mod illi huwa soċjalment, ambjentalment u finanzjarjament sostenibbli.”

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport