Saturday, May 18, 2024

Ħidma intensiva mid-dwana fl-aħħar ġimgħa ta’ Lulju

Brian Gatt
Brian Gatt
Ġurnalist

Aqra wkoll

L-aħħar ġimgħa ta’ Lulju kienet waħda mill-aktar movimentata għall-uffiċjali tad-Dwana. Matul dawn il-jiem, waqt kontrolli li saru ġew misjuba €11,500 fi flus mhux dikjarati, pakketti bil-ħaxixa u raża tal-kannabis, pakkett ta’ droga kannabis, tabakk tas-shisha u prodotti tal-kuntrabandu.

Il-Ġimgħa, uffiċjali mit-taqsima ta’ Kontra l-Ħasil ta’ Flus ikkonfiskaw €11,500 fi flus mhux dikjarati mingħand Bulgara li naqset milli tiddikjara dawn il-flus mat-tluq tagħha minn Malta lejn Sofia. Il-passiġġiera għażlet li tirranġa dan l-iżball tagħha mal-amministrazzjoni u ħallset il-multa relatata.

Fil-jiem ta’ qabel, uffiċjali fl-ajruport interċettaw raġel Ingliż li mal-wasla tiegħu f’pajjiżna nstab li kien qiegħed iġorr tliet pakketti ħaxixa kannabis u tliet pakketti raża tal-kannabis fil-bagalja tiegħu. Barra minn hekk huwa nstab li kien qiegħed iġorr ukoll crusher bi fdalijiet tas-sustanza relatata u miżien diġitali. Din il-qabda setgħet issir wara li uffiċjali tal-pulizija ġibdu l-attenzjoni dwar dan ir-raġel anke bl-għajnuna tal-kelb Stan mit-taqsima tal-K9. Il-passiġġier u l-affarijiet li kellu ġew mgħoddija lill-pulizija li ħadu lir-raġel lejn il-Kwartieri Ġenerali tagħhom sabiex ikomplu bl-investigazzjonijiet b’rabta mal-każ.

Fl-istess ġimgħa, il-kelb Sparky irreaġixxa għal pakkett suspettuż li wasal f’titjira ta’ konsenji. L-uffiċjali tal-Infurzar kienu mitlubin jintervjenu biex jagħmlu l-ispezzjoni neċessarja u rriżulta li l-pakkett kien jikkonsisti f’Kilo raża tal-kannabis. Il-pakkett ġie mgħoddi lill-Pulizija biex tkompli bl-investigazzjonijiet tagħha.

Waqt tfittxijiet li saru minn uffiċjali tad-dwana fi stabbilimenti oħra ġew interċettati pakketti ta’ tabakk tax-Shisha minn Pembroke u numru ta’ fliexken b’xorb alkoħoliku minn San Ġiljan.

Intant, l-uffiċjali tad-dwana kienu mitlubin jassistu lill-uffiċjali tal-Pulizija mill-Għassa tal-Ħamrun wara sejba ta’ ammont ta’ sigaretti tal-kuntrabandu f’basket ta’ Sudaniż li kien arrestat fil-Marsa.

Sport