Monday, May 13, 2024

Tkeċċa mill-impjieg għax daħal jaħdem flok sieħbu

Aqra wkoll

Raġel ta’ 69 sena ngħata kumpens ta’ €18,520 wara li quddiem it-Tribunal Industrijali rriżulta li huwa kien tkeċċa mill-impjieg inġustament.

Mario Farrugia kien impjegat mal-kumpanija Sterling Security għal madwar disa’ snin qabel sar trasferiment tal-intrapriża f’Mejju 2018, fejn l-impjieg tiegħu ġie assorbit minn Signal 8 Services Malta Ltd.

Farrugia kien impjegat bħala Security Guard u kien assenjat xogħol fis-sezzjoni tal-Cargo Operations tal-linja nazzjonali tal-ajru Air Malta. 

Fl-10 ta’ Jannar tal-2020, huwa kien irċieva telefonata mingħand kollega tiegħu li kellu jidħol xogħol fl-10.00 p.m. fejn infurmah li ma setax jidħol għax-xogħol minħabba urġenza personali. Huwa aċċetta li jidħol għax-xogħol minflok il-kollega tiegħu.

Ftit tal-jiem wara, il-General Manger tal-kumpanija informah li kien se jingħata twissija talli qabad u daħal għax-xogħol mingħajr ma kien ix-xift tiegħu u dan bi ksur tar-regolamenti tal-kumpanija. 

L-għada, l-Operations Manager informa lil Farrugia li m’għandux jidħol għax-xogħol. Imbagħad kien irċieva ittra fejn intqal li l-impjieg kien terminat. F’din l-ittra, l-HR Manager tal-kumpanija akkużat lil Farrugia li bidel ix-xift ma’ kollega tiegħu mingħajr permess u pprova rapport falz lill-maniġment. 

Fl-istess ittra, l-HR Manager informatu li kemm-il darba ma jaqbilx mad-deċiżjoni seta’ javviċinaha biex issir laqgħa u jispjega l-aġir tiegħu. 

Fil-11 ta’ Frar 2020, Farrugia, permezz tal-Avukata tiegħu, bagħtilha ittra jipprotesta d-deċiżjoni tal-kumpanija. Huwa stqarr li t-terminazzjoni tal-impjieg tiegħu kienet waħda inġusta u talab lill-kumpanija jikkonsidra u treġġa lura d-deċiżjoni li ħadet.

Minkejja dan, il-kumpanija ma rrispondietx għal din l-ittra u żammet mad-deċiżjoni ta’ terminazzjoni li kienet ħadet. 

Il-każ tiegħu sussegwentement tressaq quddiem it-Tribunal Industrijali. It-Tribunal kellu jistabbilixxi jekk l-aġir ta’ Farrugia li jidħol jaħdem minflok il-kollega tiegħu kinitx xprunata minn sens ta’ responsabbiltà lejn il-post tax-xogħol u lealtà lejn il-kumpanija li timpjegah jew inkella parti minn sistema ta’ abbużi fit-tħaddim tax-xiftijiet.

“Ħaddiem eżemplari… kien imur lil hinn minn dak mistenni minnu”

Joseph Gerada

It-Tribunal, immexxi miċ-Ċermen Joseph Gerada, osserva li ebda evidenza ma tressqet li b’xi mod tindika li l-kollega ta’ Farrugia kien għarraf lis-superjuri tiegħu li hu kien talbu jidħol jaħdem minfloku. Intqal li r-responsabbiltà primarja ta’ min kellu jinfoma lill-maniġment dwar dan it-tibdil taqa’ fuq min qed jitlob li jsir it-tibdil.

It-Tribunal qal li ma jsib xejn fl-aġir ta’ Farrugia li jindika li l-akkomodazzjoni raġjonevoli li għamel il-kollega tiegħu kienet motivata minn xi skop ta’ abbuż imma jindika aġir ta’ koperazzjoni u pragmatiżmu responsabbli biex post sensittiv bħal Cargo Operations tal-Air Malta ikun kopert bis-sigurtà ta’ gwardjan kif suppost. 

It-Tribunal innota wkoll illi Farrugia ma kienx ingħata twissija iżda kellu l-impjieg tiegħu terminat. Innota wkoll li ma kien hemm ebda attentat biex isir proċess ta’ dixxiplina li fiha Farrugia seta’ jippreżenta l-każ tiegħu.

Intqal li kieku sar smigħ ġust tal-każ mill-kumpanija, kif sar quddiem it-Tribunal, kien jinstab li Farrugia ma kienx wieħed mill-aħjar impjegati imma kien ħaddiem eżemplari għax mhux biss jagħmel xogħlu sewwa imma jmur lil hinn minn dak mistenni minnu u jirrispondi b’responsabbiltà fil-mument meħtieġ.

“Ħaddiema bħal dawn għandhom ikunu nnotati u apprezzati u meta dan ma jsirx, ma jirrifletti xejn fuq l-impjegati imma jirrifletti ħafna fuq min iħaddimhom.” 

It-Tribunal qal li jistmerr il-mod ta’ kif ħaddiem serju ta’ 69 sena jkun trattat b’dan il-mod b’detriment għar-reputazzjoni tiegħu. Qal li Farrugia għandu joħroġ b’rasu mgħollija minn dan it-Tribunal għaliex ir-reputazzjoni tajba tiegħu ġiet restitwita u għaldaqstant ikun ta’ akkwist kbir għal min ikollu l-privileġġ li jimpjegah. 

Kien għal dawn ir-raġunijiet li t-Tribunal Industrijali ddeċieda li Mario Farrugia kien twaqqaf mix-xogħol inġustament u għalhekk mhux skont il-liġi u ordnat lill-kumpanija tas-sigurtà Signal 8 tħallsu fi żmien erba’ ġimgħat is-somma ta’ €18,520.

L-Avukat Elaine Degiorgio dehret għal Farrugia filwaqt li l-Avukat Carlos Bugeja deher għall-kumpanija.

Sport