Sunday, December 22, 2024

Ħidma lejn mudell fejn it-tfal ikollhom sessjoni ta’ attività fiżika kuljum

Aqra wkoll

Il-Ministeru għall-Edukazzjoni, l-Isport, iż-Żgħażagħ, ir-Riċerka u l-Innovazzjoni huwa konxju dwar l-importanza tal-impatt li l-isports u l-attività fiżika għandhom fuq ħajja sana, u li l-isport huwa proċess tul il-ħajja li jrid jibda minn kmieni kemm jista’ jkun. Huwa għalhekk li qiegħed jaħdem biex l-attività fiżika fl-iskejjel tkun aktar spissa u tingħata l-importanza li jistħoqqilha.

“Bħalissa n-numru ta’ lezzjonijiet tal-edukazzjoni fiżika fl-iskejjel Maltin ivarja. Fil-manifest elettorali wegħedna li jiżdied il-ħin u jiġi stabbilit in-numru ta’ lezzjonijiet minimu tal-edukazzjoni fiżika. Irridu nimxu lejn mudell fejn it-tfal ikollhom sessjoni waħda ta’ attività fiżika kuljum,” qal il-Ministru Clifton Grima.

Studju u riċerka li sar mill-Kulleġġ Malti għall-Arti, ix-Xjenza u t-Teknoloġija li kien ikummissjonat mill-Malta Football Association wasslu biex illum jitnieda l-proġett pilota fi tliet skejjel ‘Fun Fit Five’. Permezz ta’ dan il-proġett, f’dawn l-iskejjel se tibda ssir sessjoni tal-attività fiżika kuljum. Wara, jinġabar tagħrif li permezz tiegħu jkun analizzat l-impatt ta’ kif sessjoni ta’ attività fiżika kuljum taffettwa l-andament akkademiku, fiżiku u l-benessere tal-istudent. L-għan huwa li eventwalment sessjoni ta’ attività fiżika kuljum tiddaħħal ma’ studenti tar-raba’ sena fl-iskejjel primarji.

“Qed nieħu gost li għal dan il-proġett pilota l-imsieħba soċjali li għandhom l-interess tal-edukazzjoni u l-isport fit-tfal qed jikkollaboraw flimkien għall-ġid tal-istudenti tagħna,” qal il-Ministru Clifton Grima.

Dr Angelo Chetcuti, Segretarju Ġenerali tal-Malta Football Association qal, “Lil hinn mill-attenzjoni u l-pubbliċità li tingħata lill-futbol kompetittiv, il-Malta Football Association qed issaħħaħ l-impenn tagħha biex tkun ta’ xprun biex insawru kultura sportiva minn etajiet żgħar, li hija l-bażi għall-iżvilupp f’kull livell tal-isport. Dan huwa ċentrali fl-istrateġija tal-Malta FA. It-tnedija ta’ din ir-riċerka bl-isem ta’ Fun Fit Five, li se ssir mill-MCAST fuq perjodu ta’ żmien, hija ħolqa importanti f’dan l-impenn biex ninkoraġġixxu lit-tfal tagħna jagħmlu attivita fiżika, inizjattiva li hija possibbli grazzi għar-riżorsi tal-Malta FA li jinġiebu mill-UEFA li tinċentiva programmi bħal dawn”.

Dr Chetcuti qal li, “Ir-riċerka hija komponent importanti ħafna biex inkomplu nagħmlu progress, u persważ li dan l-istudju se jgħin biex infasslu programmi ta’ attivita fiżika aħjar għal tfal fl-iskejjel filwaqt li nikkonsolidaw dawk eżistenti”.

Din l-inizjattiva edukattiva tikkumplimenta l-proġett Fun Fit Football, imniedi mill-Fondazzjoni Inħobb il-Futbol matul l-istaġun li għadda fl-iskejjel primarji ta’ Malta u Għawdex. Madwar 17,000 tifel u tifla ħadu sehem fis-sessjonijiet tal-Fun Fit Football li minn dan l-istaġun se jiġi offrut ukoll fl-iskejjel tal-knisja u dawk privati. “Nittamaw li dan ikun biss il-bidu ta’ kopertura akbar li tilħaq aktar tfal,” qal Dr Chetcuti.

Il-Kap Eżekuttiv u Prinċipal tal-MCAST il-Professur Joachim James Calleja qal, “Huwa ta’ sodisfazzjon li naraw il-letturi tal-MCAST mill-Istitut tas-Servizzi fil-Komunità jwettqu riċerka fil-qasam tal-attività fiżika. Hemm bżonn li dan l-istudju jgħin lis-settur edukattiv biex nifhmu l-isfidi u benefiċċji u biex intejbu l-kwalità tal-ħajja tal-istudenti. Il-kulleġġ se jkompli jagħti appoġġ biex tissaħħaħ ir-riċerka applikata anki fil-qasam tal-isport”.

Ekonomija

Sport