Sunday, December 22, 2024

Hiroshima

Aqra wkoll

Ftit jiftakru f’Hiroshima, belt fil-Ġappun, fejn 79 sena ilu l-Amerka kienet tefgħet bomba nukleari fuqha waqt l-aħħar gwerra dinjija fl-1945.  Ftit jafu li kienu nqatlu madwar 140,000 – mhux suldati imma nies ċivili.  Dan ma sarx waqt li l-Amerikani kienu qed jitilfu l-gwerra imma meta kienu fl-aħħar fażijiet biex jirbħu l-Ġappun. Din kienet bomba żgħira meta mqabbla mal-bombi nukleari tal-lum.

Dan l-aħħar, waqt iċ-ċerimonja li ssir kull sena, is-sindku ta’ Hiroshima qal dak li ilna ngħidu ħafna – li ħafna mill-pajjiżi aktar ma qed jikbru t-tenzjonijiet fid-dinja, aktar qed jassumu li dawn il-problemi nistgħu nsolvuhom biss billi nkunu aktar armati.  Din hi ħaġa li l-esperjenza ta’ Hiroshima tmur kontra din l-idea.

Sfortunatament aħna llum qegħdin fi grupp (UE) fejn dawn il-pajjiżi jemmnu fil-gwerer biex iġibu l-paċi.  Illum anki żewġ Membri Parlamentari Ewropej Maltin ivvutaw sabiex mhux talli l-Ewropa żżid l-armi, imma anki l-armi nukleari.  Ir-raġuni hi sempliċi – ħafna mill-pajjiżi tal-UE mhux talli qatt ma kienu kolonja imma imperjalisti u jemmnu li moħħom hu superjuri fuq kull pajjiż ieħor u għalhekk għandhom jiddominaw lil kulħadd. 

Din l-idea ta’ imperjaliżmu mhux xi ħaġa li spiċċat għaliex kull meta l-UE marret l-Afrika – kontinent li kien sfruttat mill-Ewropej – biex iressquhom lejn l-UE, l-Afrikani dejjem ħassew li l-imperjaliżmu għadu dominanti fl-imħuħ Ewropej.  Dan narawh aħna, li għax aħna pajjiż żgħir, l-UE għadha tiddominana minkejja li aħna suppost Repubblika u għandna l-Kostituzzjoni tagħna. 

L-esperjenza ta’ Hiroshima mhux tajjeb li tintilef u tajjeb li l-qarrejja jaqraw l-esperjenza ta’ nies li fortunatament ma mietux mill-bomba nukleari Amerikana ta’ Hiroshima. 

L-Ingilterra

Taħt il-gvern Laburista ġdid, waħda mill-affarijiet li qed jikkunsidraw hi li jersqu lejn l-UE.  Dan minħabba li l-Ingilterra hi viċin l-UE u kooperazzjoni bejn il-ġirien hi xi ħaġa essenzjali.  Hemm min jissuġġerixxi li l-Ingilterra u l-UE għandhom ikollhom relazzjoni ġdida – simili ta’ kif l-Iżvizzera għandha. 

Li fakkritni kienet l-idea li kien mexxa l-PL taħt Alfred Sant meta l-poplu Malti kien ser jivvota biex Malta tidħol fl-UE.  Ir-raġuni ta’ din l-idea kienet li filwaqt li nkabbru r-relazzjoni tagħna mal-UE, ma mmorrux għal integration u nitilfu l-indipendenza tagħna, kif fil-fatt tlifniha.

Pass pożittiv

L-Ingilterra bħalissa għaddejja minn ġlied razzista.  Dan wara li fi żmien il-gvern konservattiv kien hemm differenza kbira bejn il-gvern u ħafna mill-poplu fuq Gaża.  Il-gvern Ingliż dak iż-żmien kien wieħed mill-aktar gvernijiet li kien qed jipprovdi armi lill-Iżrael fl-invażjoni ta’ Gaża minkejja li bil-kliem kien qed jgħid li jrid il-paċi.  L-Ingilterra ma kinitx waħedha għax barra l-Istati Uniti li jitkellmu fuq il-paċi imma xorta pprovdew eluf ta’ bombi kbar, hemm ħafna pajjiżi oħra fl-Ewropa li qed jipprovdu l-armi lill-Iżrael. Imma li diġa’ nqatlu aktar minn 36,000 palestinjan ma jimpurtax għas dawn huma għarab.

Kien hemm ħafna protesti fl-Ingilterra biex l-Iżrael jieqaf mill-genoċidju li kien qed jagħmel u li għadu għaddej f’Gaża.  Mhux talli kien kontrihom u uża l-pulizija biex iwaqqafhom imma kien ukoll jgħajjarhom razzisti kontra l-Lhud.

Kif inbidel il-gvern, biddel din il-politika u dawk il-gruppi tal-Lemin mhux biss bdew jipprotestaw imma wkoll bdew jattakkaw il-moskei.  Dan ġara wara l-qtil ta’ tfal fl-iskola f’Southport. 

Imma barra, sar pass ‘il quddiem għaliex il-kapijiet tar-reliġjonijiet li hemm f’din il-belt, inklużi l-Musulmani u l-Iżraeliti ltaqgħu fil-pubbliku u pressaw biex jieqaf il-ġlied li nqala’ f’din il-belt ħalli n-nies t’hemm jgħixu fil-kwiet u jgħinu lil xulxin.  Huma spjegaw li l-paċi tiġi billi nifhmu ‘l xulxin, nitkellmu u ngħinu lil xulxin u mhux nattakaw lil xulxin.  Pass pożittiv li għandu jinfirex jekk irridu ngħixu fil-paċi.   

Ekonomija

Sport