Xi drabi l-konsumaturi jixtru prodotti jew servizzi li ma jiġux fornuti immedjatament u l-konsumaturi jiġu mitluba jħallsu depożitu qabel ma jsir il-ħlas sħiħ. Dan jista’ jiġri, pereżempju, meta jinxtraw oġġetti tad-dar bħal għamara jew apparat elettroniku, jew meta jiġi mqabbad xi ħadd biex jipprovdi servizz partikolari. F’dawn is-sitwazzjonijiet huwa importanti li l-konsumaturi ikunu jafu d-drittijiet u r-responsabiltajiet tagħhom biex jiżguraw li jkunu protetti sew f’każ li tinqala xi problema.
L-ewwel nett, huwa importanti għall-konsumaturi li jifhmu għalfejn jitħallas depożitu. Depożitu imħallas ifisser li hemm impenn mix-xerrej li jkompli bix-xiri u li jħallas l-ammont mifthiem meta l-prodott jew is-servizz jiġi pprovdut. Minn naħa l-oħra, hekk kif il-bejjiegħ jaċċetta d-depożitu mħallas, huwa jkun obbligat li jipprovdi l-prodott jew is-servizz hekk kif mifthiem fil-kuntratt tax-xiri.
Rigward l-ammont ta’ depożitu, dan jista’ jvarja skont it-tip ta’ prodott jew servizz li jkun qed jinxtara, u skont il-ftehim bejn ix-xerrej u l-bejjiegħ. Normalment, il-bejjiegħa jissuġġerixxu kemm għandu jitħallas depożitu. Madankollu, m’hemm l-ebda liġi li tistipula li l-bejjiegħ għandu dan id-dritt. Għaldaqstant, jekk il-konsumaturi iħossu li l-ammont ta’ depożitu mitlub mhuwiex raġonevoli, jistgħu jippruvaw jinnegozjaw ammont differenti. Jekk il-kummerċjant jirrifjuta l-ammont propost tal-konsumaturi, dawn tal-aħħar għandhom jikkunsidraw jekk ikomplux bix-xiri jew le. Ladarba l-ammont tad-depożitu jkun miftiehem, dan għandu jkun miktub b’mod ċar fil-kuntratt tal-bejgħ. Dan il-kuntratt għandu jinkludi wkoll informazzjoni dwar kif se jsir il-kumplament tal-ħlas.
Il-konsumaturi għandhom ikunu jafu li ladarba jaċċettaw li jħallsu depożitu, il-bejgħ jiġi kkonfermat, u jorbot legalment. Dan ifisser li jekk il-konsumaturi jerġa jibdielhom mix-xiri, jirriskjaw li jitilfu d-depożitu mħallas. Dan sakemm il-kuntratt tax-xiri ma jinkludix xi klawsola jew kundizzjoni li tippermetti lill-konsumaturi jikkanċellaw il-bejgħ u jitolbu rifużjoni tad-depożitu mħallas. Madankollu huwa kkunsidrat inġust li l-bejjiegħa jitolbu lill-konsumaturi li jonqsu milli jonoraw il-kuntratt tax-xiri, sabiex iħallsu penali li hija sproporzjonata meta wieħed jikkunsidra l-valur tal-oġġetti jew is-servizzi mixtrija jew mikrija. Meta l-konsumaturi jikkanċellaw kuntratt ta’ bejgħ, l-ammont miżmum jew iċċarġjat mill-bejjiegħ għandu jirrifletti t-telf reali tan-negozjant relatat mal-kanċellazzjoni tal-bejgħ u għalhekk m’għandux ikun eċċessiv. Barra minn hekk, id-dispożizzjonijiet dwar it-Termini Kuntrattwali Inġusti tal-Att dwar l-Affarijiet tal-Konsumatur, jistipulaw li klawsoli kuntrattwali li jagħtu lill-kummerċjant id-dritt li jżomm somom imħallsa mill-konsumatur jekk il-konsumatur jiddeċiedi li ma jikkonkludix jew ma jwettaqx il-kuntratt tax-xiri, mingħajr ma fl-istess waqt jipprovdu li l-konsumatur jirċievi kumpens ta’ ammont ekwivalenti mill-kummerċjant fejn il-kummerċjant huwa l-parti li tikkanċella l-kuntratt, tali terminu kuntrattwali jitqies inġust u għalhekk mhux legalment vinkolanti.
Wara li jħallsu depożitu, il-konsumaturi jistgħu wkoll jiltaqgħu ma’ sitwazzjonijiet fejn huwa n-negozjant li ma jkunx jista’ jforni l-prodott jew is-servizz skont il-kuntratt tal-bejgħ. F’dan il-każ, il-konsumaturi għandhom id-dritt li jitolbu rifużjoni tad-depożitu mħallas u jistgħu wkoll iżommu lill-kummerċjant responsabbli għal spejjeż addizzjonali mġarrba li huma direttament marbuta mal-ksur tal-kuntratt tax-xiri.
Il-konsumaturi jistgħu jintalbu jippreżentaw evidenza tal-ksur tal-kuntratt mill-bejjiegħ. Għaldaqstant l-importanza li l-kuntratt tax-xiri jsir dejjem bil-kitba, u għandu jinkludi l-aspetti kollha tal-bejgħ miftiehem, bħal deskrizzjoni dettaljata tal-prodott jew servizz ordnat, id-data tal-kunsinna miftiehma, u l-prezz totali.
Il-ħlas ta’ depożitu huwa prattika komuni meta jinxtraw jew jiġi ordnati xi oġġetti jew servizzi. Madankollu, huwa essenzjali li l-konsumaturi jkunu jafu d-drittijiet u r-responsabbiltajiet tagħhom. F’każ ta’ tilwima dwar depożitu mħallas, jekk il-konsumaturi ma jkunux ċerti dwar id-drittijiet legali tagħhom, jistgħu jikkuntattjaw lill-Uffiċċju għall-Affarijiet tal-Konsumatur fi ħdan l-MCCAA għal informazzjoni u assistenza.
L-iskop ta’ dan l-artiklu huwa biss li jipprovdi informazzjoni u mhux li jagħti parir legali. F’każ ta’ ilment jew bżonn ta’ aktar informazzjoni tista’ tikkuntattja lill-Uffiċċju għall-Affarijiet tal-Konsumatur fi ħdan l-Awtorità ta’ Malta għall-Kompetizzjoni u l-Affarijiet tal-Konsumatur fuq il-freephone 8007 4400 jew in-numru tat-telefown 2395 2000.