Tuesday, December 24, 2024

Hockey: Floriana Young Stars champions wara nuqqas ta’ 23 sena

Aqra wkoll

Trust Payments Floriana Young Stars huma r-rebbieħa tal-kampjonat nazzjonali tal-hockey meta kisbu l-punt li kellhom bżonn kontra l-isfidanti GREE Żurrieq Wolves Hotsticks. Il-Furjaniżi rebħu dan it-titlu wara nuqqas ta’ 23 sena hekk kif kien fl-istaġun 2000/2001 li kienu kisbu dan is-suċċess domestiku.

Il-logħba kontra GREE Żurrieq Wolves Hotsticks intemmet fi draw ta’ 2-2 bir-riżultat li baqa’ inċert sal-aħħar.

Il-Greens marru minn fuq fl-ewwel quarter għalkemm il-Hotsticks mhux talli ġabu l-iskor indaqs fit-tieni quarter iżda saħansitra marru minn fuq fit-tielet quarter.

Kien hawn li Trust Payments Floriana Young Stars ħarġu aggressivi fir-raba’ quarter fejn ġabu l-iskor indaqs u eventwalment ħadu l-kampjonat.

Ali Rizan u Clive Williams skorjaw għal Floriana filwaqt li Jonathan Borg skorja doppjetta għal Żurrieq.

Fi tmiem il-konfront, il-president tal-Assoċjazzjoni Maltija tal-Hockey Gordon Mifsud ippreżenta t-tazza lill-captain ta’ Trust Payments Floriana Young Stars Karl Chircop fost il-ferħ tal-plejers, diriġenti u partitarji Furjaniżi.

Umpires kienu Keith Calleja u Luke Busuttil Leaver.

F’logħba oħra mill-kampjonat nazzjonali tal-hockey, Qormi Daikin temmew l-impenji tagħhom b’rebħa ta’ 12-0 kontra White Hart.

Luke Bajada kien ta’ ispirazzjoni għall-eks champions meta skorja sitt gowls b’Julian Zahra u Ayrton Falzon awturi ta’ doppjetta. Wyatt Magri u Keith Calleja għaqqdu l-iskor għal Qormi Daikin.

Umpires kienu Paul Brincat u Karl Chircop.

KLASSIFIKA FINALI – KAMPJONAT NAZZJONALI TAL-HOCKEY

Trust Payments Floriana Young Stars 13, GREE Żurrieq Wolves Hotsticks 11, Qormi Daikin 10, White Hart 2.

Ekonomija

Sport