Sunday, November 24, 2024

Hockey: Il-Maltin jiksbu l-ewwel punt meritat wara wirja kbira

Aqra wkoll

Wirja kbira fir-raba’ quarter għenet lil Malta jiksbu draw ta’ 2-2 kontra l-Litwanja fit-tielet logħba tal-kampjonat Ewropew tal-Hockey li qed isir fil-Polonja.

Il-Maltin kienu 2-0 minn taħt sa tmiem it-tielet quarter, iżda reazzjoni mill-aqwa tathom l-ewwel punt tagħhom wara żewġ telfiet kontra Ġibilta’ u l-Polonja.

Anke l-Litwani kienu ġejjin minn żewġ telfiet konsekuttivi u kellhom l-għan li kontra l-Maltin jiksbu l-ewwel tliet punti tat-turnament.

L-ewwel tliet quarters kienu ferm pożittiv għall-istess Litwani li marru 2-0 minn fuq grazzi għall-gowls ta’ Rafal Stankevic u Matvidas Pocevicius.

Il-kowċ Malti Chris Attard baqa’ jħeġġeġ lill-plejers tiegħu jagħmlu aktar sforz sabiex jirkupraw il-partita u wara li tentattiv ta’ Thomas Degiovanni ġie salvat mill-gowlkiper avversarju, wasal il-mument pożittiv tal-Maltin li skorjaw żewġ gowls permezz ta’ Tom Degiovanni u Luke Bajada.

It-tisfira finali tal-umpires kienet tfisser ferħ għall-kontinġent Malti li ġab l-ewwel punt tat-turnament.

Malta tilgħab ir-raba’ partita tagħha kontra l-Kroazja għada.

Sadanittant f’aktar partiti li ntlagħbu mill-istess grupp, il-Polonja u Ġibilta’ komplew jimpressjonaw hekk kif rebħu l-logħbiet rispettivi tagħhom.

Il-Pollakki għelbu lil Kroazja 6-1 filwaqt li Ġibilta’ rebħu faċilment lis-Serbja 5-0.

KLASSIFIKA – POOL A

Polonja, Ġibilta’ 9, Kroazja 6, Litwanja Malta 1, Serbja 0

Sport