Iċ-champions tal-hockey lokali Qormi Daikin ġejjin f’tagħhom wara li għelbu l-isfida diretta ta’ GREE Żurrieq Wolves Hotsticks 5-3.
Il-logħba kienet waħda ferm intensiva b’Qormi li stabilixxew vantaġġ tripplu sa tmiem it-tieni quarter u minkejja li ż-Żrieraq tjiebu fit-tielet u r-raba’ quarter, xorta ma rnexxielhom jieħdu xejn minn din il-partita.
Kyle Micallef kien awtur ta’ doppjetta għall-Qriema filwaqt li Neil Spiteri Montebello, John Williams u Julian Zahra komplew żiedu l-iskor għat-tim tagħhom.
Żurrieq baqgħu fil-logħba wara gowls ta’ Ryan Dalli, Alessandro Amore u Charlo Sammut.
Umpires kienu Karl Chircop u Edward Hughes.
Floriana Young Stars kisbu t-tielet rebħa staġjonali meta ftit sabu diffikulta’ sabiex jegħlbu lil White Hart 7-2.
Il-Greens dejjem kienu minn fuq fejn sa tmiem it-tieni quarter, l-iskor kien diġa’ 5-1. Fl-aħħar żewġ quarters kien hemm reazzjoni ta’ White Hart li naqqsu l-marġni tal-iskor għalkemm xorta ħarġu fuq in-naħa telliefa.
Ali Razwan skorja tripletta, Justin Bonello kien awtur ta’ doppjetta filwaqt li Justin Farrugia u Liam Gatt niżżlu isimhom fost l-iskorers.
David Agius u Karl Tua skorjaw l-uniċi żewġ gowls ta’ White Hart.
Umpires kienu Glenn Bonello u Paul Brincat.
KLASSIFIKA – KAMPJONAT NAZZJONALI TAL-HOCKEY
Floriana Young Stars 7, GREE Żurrieq Wolves Hotsticks 5, Qormi Daikin 4, White Hart 0
Sadanittant f’partita waħda mill-kampjonat ta’ taħt is-16-il sena, Qormi Daikin għelbu lil Floriana Young Stars 7-0.
Finalment fil-kategorija ta’ taħt it-12-il sena, Qormi Daikin għelbu lil Marsaskala Heat B 12-1 filwaqt li Marsaskala Heat A rebħu lil GREE Żurrieq Wolves Hotsticks 7-1.