Wednesday, July 24, 2024

Jinżamm arrestat fuq akkużi relatati ma’ serq

Aqra wkoll

Raġel ta’ 30 sena residenti Ħal Qormi inżamm taħt arrest wara li ġie mixli  b’diversi każi ta’ serq, li kiser il-kundizzjonijiet tal-Qorti u li sar reċediv.

Andreas Buhagiar kien mixli li f’Settembru tal-2023, seraq vettura tal-għamla Toyota Vitz minn San Pawl il-Baħar.

Huwa ġie mixli wkoll li fil-lejl ta’ bejn it-13 u l-14 ta’ Ottubru, seraq diversi għodod u kompressuri minn garaxx f’Ħal Qormi, u li għamel ħsara fil-proprjetà ta’ ħaddieħor. 

Akkużi oħra kontrih jgħidu li fl-14 ta’ Ottubru li għadda, seraq pjanċi tar-reġistrazzjoni minn fuq vettura u li seraq ammont ta’ flus minn stabbiliment fir-Rabat. 

Dan filwaqt li ġie mixli li matul ix-xahar ta’ Frar li għadda jew qabel, naqas milli jħares il-kundizzjonijiet tal-ħelsien mill-arrest imposti fuqu f’Marzu tal-2020.

Buhagiar wieġeb mhux ħati tal-akkużi u nżamm taħt arrest preventiv wara li ma saret l-ebda talba għall-ħelsien mill-arrest tiegħu.

Il-prosekuzzjoni f’dan il-każ tmexxiet mill-Avukat Giuliana Magro Conti mill-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali flimkien mal-Ispetturi Roderick Attard, Joseph Mallia, Francesca Maria Calleja u John Sammut. 

Għall-imputat dehret l-Avukat Yanika Bugeja. 

Ekonomija

Sport