Qormi Daikin ġew inkurunati bħala champions għall-istaġun 2020/2021 sabiex b’hekk rebħu l-kampjonat għall-14-il darba fl-istorja tagħhom.
Kienet ġurnata ta’ ċelebrazzjoni għall-Qriema bil-partitarji tagħhom li ġew bi ħġarhom għall-aħħar partita tal-kampjonat kontra Rabat. F’din il-logħba, iċ-champions rebħu bl-iskor kbir ta’ 13-0 fejn Zach Degiovanni ddistingwa ruħu bi tliet gowls filwaqt li Luke Bajada u Matthijs Bartelts kienu awturi ta’ doppjetta. Min-naħa l-oħra, Daniel Ellul, Steve Tanti, Matteo Forani, Keith Calleja, John Williams u Juan Sarcia għaqqdu l-iskor għat-tim tagħhom.
Iċ-ċelebrazzjonijiet laħqu l-qofol tagħhom meta l-president tal-assoċjazzjoni Maltija tal-Hockey Gordon Mifsud ippreżenta t-tazza lill-captain Aaron Spiteri.
Bla dubju li kien tmiem il-ġimgħa mill-aqwa għal Qormi Daikin li setgħu jiċċelebraw ukoll ir-rebħ tal-kampjonat ta’ taħt is-16-il sena meta fil-logħba deċiżiva huma għelbu lil Gree Sliema Hotsticks 4-3. Jake Spiteri Montebello skorja doppjetta filwaqt li Neil Spiteri Montebello u Andre Pio Bonnici wkoll niżżlu isimhom fil-lista tal-iskorers.
Sadanittant fi tmiem din il-ġimgħa ngħata bidu għall-kompetizzjoni knock-out fejn fil-logħba preliminari, Gree Sliema Hotsticks għaddew għas-semifinali wara li għelbu 4-3 lil Trust Payments Floriana Youngsters wara l-penalty shoot-out.
Fil-ħin regolamentari, il-logħba spiċċat 2-2 bi Sliema jiskorjaw permezz ta’ Jonathan Borg u Luca Runza filwaqt li Julian Farrugia u Clive Williams wieġbu għal Floriana.
Finalment il-Ħadd li ġej jintlagħbu s-semifinali ta’ din il-kompetizzjoni meta Qormi Daikin jilagħbu kontra White Hart filwaqt li Rabat jaffrontaw lil Gree Sliema Hotsticks.
KLASSIFIKA FINALI
Qormi Daikin 24, Sliema Hotsticks 17, Floriana 12, Rabat 5, White Hart 2