Tuesday, September 24, 2024

Hockey : Qormi Daikin jirbħu l-ewwel konfront dirett kontra GREE Sliema Hotsticks  

Aqra wkoll

Qormi Daikin rebħu l-konfront dirett kontra GREE Sliema Hotsticks 3-0 sabiex qabżu lill-istess avversarji fil-klassifika filwaqt li qed igawdu vantaġġ ta’ punt.  

Kienet logħba ferm mistennija minn din il-ġurnata ta’ qabel tal-aħħar tal-kampjonat nazzjonali tal-hockey bis-Slimiżi li qabel dan il-konfront kienu fl-ewwel post.  

Fl-ewwel quarter, Sliema ħarġu aggressivi fejn bdew joħolqu ħafna okkażjonijiet ta’ skor lejn il-lasti avversarji difiżi ferm tajjeb mill-goalkeeper Shamison Mifsud li salva tajjeb kull ma ġie għal idejh.  

Fit-tieni quarter, Qormi ħarġu tajjeb u marru minn fuq permezz ta’ Nathan Pace Gasan wara azzjoni ta’ penalty corner.  

Fit-tielet quarter, il-Qriema skorjaw it-tieni gowl hekk kif Steve Tanti xxuttja minn barra l-ark difiż minn Sliema bil-goalkeeper Emile Borg jinħasad u bil-ballun li jispiċċa ġewwa.  

Qormi Daikin issiġġillaw ir-rebħa fir-raba’ quarter permezz ta’ Luke Bajada wara azzjoni veloċi li qabdet lid-difiża tal-Blues fuq sieq waħda.  

Iż-żewġ timijiet jiltaqgħu għall-aħħar konfront ta’ bejniethom 15-il ġurnata oħra fejn Sliema jridu bilfors rebħa sabiex iżommu t-titlu mirbuħ fl-istaġun li għadda b’Qormi li bi draw jirbħu l-kampjonat.  

Umpires: Edward Hughes, Karl Chircop  


KLASSIFIKA – KAMPJONAT NAZZJONALI TAL-HOCKEY  

Qormi Daikin 13, GREE Sliema Hotsticks 12, Floriana Young Stars 9, White Hart 0  

F’partita li kellna mill-Hockey 9s, Rabat għelbu lil GREE Sliema Hotsticks 1-0 bil-gowl uniku jiġi skorjat minn David Agius.  

Umpires kienu Glen Bonello u Karl Chircop.  

F’logħba ferm akkanita li kellna mill-kampjonat ta’ taħt l-14-il sena, Qormi Daikin għelbu l-isfida ta’ Marsaskala Summer Nights 5-3.  

Giorgio Muscat kompla jikkonferma r-rwol tiegħu ta’ skorer prolifiku għal Qormi hekk kif skorja erba’ gowls filwaqt li Liam Carabott żied ieħor għat-tim tiegħu.  

Marsaskala naqqsu l-marġni tal-iskor permezz ta’ doppjetta ta’ Alessandro Piscopo u gowl ieħor ta’ Damien Lupu.  

Umpires kienu Edward Hughes u Keith Calleja.  

Sport