Qormi Daikin huma r-rebbieħa tas-Super Cup sponsorjata mill-Għaqda Ġurnalisti Sports meta fil-kumpless tal-Hockey f’Kordin huma għelbu lir-rivali GREE Sliema Hotsticks 3-0.
Din kienet partita bejn it-tim li rebaħ il-kampjonat iġifieri Sliema kontra Qormi li rebħu l-kompetizzjoni knock-out.
Il-Qriema ma serqu xejn u kkontrollaw il-logħob tul l-erba’ quarters u ma kinitx sorpriża li ħarġu rebbieħa.
Kien Juan Sarcia li poġġa lil Qormi fil-vantaġġ wara azzjoni ta’ penalty corner sabiex il-gowlkiper Emile Borg ġie megħlub.
Wara li fit-tieni quarter ma ġie skorjat l-ebda gowl, Qormi ħarġu ferm tajjeb u skorjaw wara 30 sekonda permezz ta’ Kyle Micallef li f’azzjoni veloċi reġa’ ssorprenda lil Borg.
Fir-raba’ quarter, Qormi ssiġġillaw ir-rebħa grazzi għall-gowl ta’ Steve Tanti li wara li ra x-xutt fil-baxx tiegħu jaħbat mal-wieqfa mir-rebound kien l-istess plejer li żerżaq il-ballun ġewwa.
Fi tmiem il-konfront setgħu jibdew iċ-ċelebrazzjonijiet ta’ Qormi li laħqu l-qofol tagħhom hekk kif Robert Busuttil, f’isem l-Għaqda Ġurnalisti Sport ippreżenta t-tazza lill-plejer ta’ Qormi Daikin Daniel Ellul.