Saturday, April 19, 2025

Ħolqien ta’ aktar Anton u Joe Attardijiet

Aqra wkoll

Nistqarr li kont stennejt kull tip ta’ reazzjoni għall-artiklu tiegħi f’din il-paġna ta’ nhar il-Ħadd, 23 ta’ Marzu li għadda li kien intitolat ‘Ħsara li la tinħafer u lanqas tintnesa’. Imma nistqarr ukoll li ma stennejtx ir-rispons li kelli, stejjer u esperjenzi ta’ nies litteralment vittmi ta’ imperatur finta. Nistħajlek bil-kurżità biex ngħidlek min hu. Serraħ moħħok għażiż qarrej, meta jidhirli jien NESPONIH, u mhux lilu biss, ħalli mbagħad naraw kemm ikunu kapaċi jirrispondu. Nesponihom għax dawn huma nies li qegħdin jabbużaw bil-kbir b’detriment għall-Gvern u għall-Partit Laburista. Nies li qegħdin iqarrqu. Il-mod kif jinħema ħmieġhom iġiblek għajnejk wara widnejk. F’dan ir-rigward GĦALISSA nieqaf hawn.

Niġi issa għall-kontribut tiegħi tal-lum.  Qed nimmaġinak tħares aktar minn darba lejn it-titlu: Ħolqien ta’ aktar Anton u Joe Attardijiet. U allura tistenna li nispjegalek. Hekk se nagħmel. Ovvjament il-punt tat-tluq għandu jkun għaliex Anton u Joe Attardijiet? Min huma Anton u Joe Attard? Illum it-tnejn m’għadhomx magħna. It-tnejn Laburisti ta’ stoffa. It-tnejn suldati tal-azzar.

Anton Attard, Għawdxi, aktar magħruf bħala Anton F. Attard, kien uffiċjal għoli tal-Gvern. Kien ukoll trejdunjonista fi ħdan il-General Workers’ Union. Kien ukoll storiku. Kien ukoll poeta. B’passjoni kbira lejn Santa Marija tar-Rabat Għawdex u lejn iċ-Ċittadella. Kien anke kkontesta Elezzjonijiet Ġenerali f’isem il-Partit Laburista. Il-Partit Nazzjonalista kien jara fih xewka.

Meta l-Partit Nazzjonalista rebaħ l-Elezzjoni Ġenerali ta’ Mejju 1987 Anton F. Attard spiċċa vittma. Ħolqulu uffiċċju għarwien minn kollox. Desk u siġġu biss. Xogħol xejn għajr li kultant jitfaċċa xi ħadd b’xi fajl li jkun jeħtieġ il-firma tiegħu. Mill-bqija ġurnata sħiħa bil-qegħda jħares lejn il-ħitan tal-kamra. Basta joqgħod hemm, li ma jmurx imur xi gwapp biex jara skartax. Kien jitħasseb, u ma neħodhiex bi kbira, li kien ikun mgħasses biex jekk ifettillu jiċċaqlaq mill-uffiċċju KUMBINAZZJONI dak il-ħin imurlu xi ħadd u ma jsibux f’postu. Imbagħad ħoll xagħrek u ġib iż-żejt.

Joe Attard, Żejtuni, sinonimu mal-Banda Żejtun u mat-twaqqif tal-istazzjon tar-radju tal-Partit Laburista dak iż-żmien magħruf bħala Super One. Bniedem li kien involut, jaħdem qatigħ fil-qasam tal-kultura. Mal-Gvern. Serva wkoll bħala Sindku tal-lokalità. Jidhirli li kellu l-uffiċċju fejn illum hemm il-kumpless tal-MEPA l-Furjana. Ġralu bħalma ġralu Anton F. Attard. Gvern Nazzjonalista ta’ Mejju 1987 għaddieh minn martirju. Jew almenu ppruvaw jgħadduh minn martirju. Imma sabu fih suldat ieħor tal-azzar. Bniedem reżiljenti.

Imġieba skorretta għall-aħħar minn Gvern Nazzjonalista. Imġieba li tweġġa’. Aktar u aktar meta titwettaq sempliċiment għax it-twemmin politiku tiegħek huwa differenti minn dak tal-Gvern tal-ġurnata. U allura kemm hija akbar il-kattiverja li qed titwettaq illum, taħt Gvern Laburista, minn imperatur finta, fil-konfront ta’ ħaddiema Laburisti. Fil-konfront ta’ ħaddiema Laburisti li fosthom hemm min kien jgħin bil-kbir lill-Partit Laburista fil-qasam li jispeċjalizza fih meta l-Partit Laburista kien fl-Oppożizzjoni qabel Marzu tal-2013. Meta dan l-imperatur finta kien għadu ‘bil-ħarqa’ meta paragunat ma’ fejn qiegħed illum. 

Ma nippretendix li jsir dak li sar ma’ Anton F. Attard u Joe Attard ma’ xi ħaddiem ta’ twemmin politiku Nazzjonalista. Anzi. Nenfasizza li dan m’għandux isir. Kulħadd għandu dritt jaħdem. Imma ħaddiem Laburista d-daqqa ta’ ħarta jħossha aktar jekk tingħatalu taħt Gvern Laburista. Hekk qed jagħmel dan l-imperatur finta.

Ma nafx jekk hux veru li jekk tixrob ħafna kafejiet tista’ tagħmel ħsara lil saħtek. Jekk hu veru, allura jien qiegħed f’periklu kbir. Xbajt nixrob kafejiet ma’ nies jirrakkontawli minn dak li għaddew jew li għadhom għaddejjin minnu. Stejjer tal-biki. Nisma’ r-rakkonti u nitbikkem ma’ min ikun qed jirrakkontali. U lest inkompli nisma’ biex nagħti tama lil dawn in-nies litteralment vittmi. 

Biex inkun ta’ solliev li almenu hemm min hu lest jismagħhom. Min hu lest ikompli jwassal il-messaġġ tagħhom. Nistiednek biex jekk tħoss li int vittma tiddejjaqx tikkuntattjani. Kemm jiddispjaċini nisma’ l-istess konklużjoni: Qatt ma kont nistenna li ningħata dawn id-daqqiet minn Gvern li għalih ħdimt. Kemm jiddispjaċini nisma’ min jgħidli li għalih il-Partit Laburista spiċċa.

Se ndumu nħallu lil min jagħmel ħsara lill-Gvern u lill-Partit Laburista? Se ndumu nħalluh jgħaffeġ? Se ndumu nħalluh ikisser?

Xeni li jkexkxuk

Insegwi ħafna l-kitba ta’ eks-kollega tiegħi l-Union Press u llum Editur ta’ din il-gazzetta, Victor Vella. Victor jikteb ħafna dwar it-traġedji li jseħħu fil-Mediterran li fihom intilfu u għadhom jintilfu ħajjiet ta’ persuni li b’sogru kbir ikunu qegħdin jittantaw ifittxu futur aħjar. Isegwi stejjer ta’ immigranti rregolari. Isegwi stejjer ta’ sfruttament ta’ ħafna minn dawk li b’xi mod ikun irnexxielhom isalvaw il-vjaġġ.

Insegwih lil Victor u sinċerament jiddispjaċini ħafna għalih meta jiġi attakkat għax jagħmel dan. 

X’qed jagħmel ħażin Victor billi jġib għall-attenzjoni tal-qarrejja u tal-awtoritajiet konċernati dawn il-ġrajjiet traġiċi? Bħal donnhom il-protagonisti ewlenin ta’ dawn l-istejjer mhux bnedmin bħalna! Bħal donnu mhux familji għandhom! Ma nirrealizzawx li jekk ma jkunux nies bħal Victor li jkomplu jniggżu l-kuxjenza ta’ min jista’ jkun ta’ għajnuna kollox jibqa’ għaddej qisu xejn m’hu xejn?

Qed nippubblika wieħed mill-aħħar ritratti li jkexkxuk li ppubblika Victor ma’ kitbietu. Ma jbikkikx tarah? Il-persuna mejta li hemm f’dak it-tyre mhux uman bħalek u bħali? Mhux familja bħalek u bħali kellu? Mhux jittanta jfittex futur aħjar kien qiegħed bħalma nagħmlu int u jien? Għaliex għandhom jinħbew stejjer bħal dawn?

Prosit u grazzi Victor.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport