Wednesday, April 24, 2024

HORECA

Aqra wkoll

Hi ħaġa ċara li fost l-aktar ħaddiema li l-impjieg tagħhom hu mhedded bil-corona virus insibu dawk fis-setturi tal-lukandi, tar-restoranti u tal-“catering”.

Il-mod kif inxterdet il-pandemija u kif kellhom jittieħdu l-miżuri biex jilqgħulha qata’ għal ġol-qalba ta’ kif isir xogħolhom. Wieħed jiddubita kemm is-sitwazzjoni tagħhom tista’ titjieb tassew qabel ma tinstab titqiba li tmewwet il-virus fil-ġisem tal-bniedem.

Sakemm jiġri hekk, anke dawk li lesti jisfidaw kull ma jista’ jiġri, se jibqgħu bis-suspett li minn kull fejn jieħdu kafe, minn kull fejn jersqu għal ikla, minn kull lukanda fejn jikru kamra jew jattendu għal tieġ, jistgħu jimbokkaw il-COVID.

Oqsma oħra ta’ ħidma mhumiex daqshekk esposti għat-tħarbit li l-imxija ġabet magħha. Terġa’, ħafna minn dawk involuti fis-settur jaħdmu bħala għal rashom, anke jekk jiddependu minn sid li jħallashom. Il-qagħda tagħhom dejjem kienet prekarja. Issa saret wisq aktar.

NUMRI

Ħafna mill-pronostki li qed nisimgħu dwar x’se jiġri għal li ġej jieħdu dis-sura: Fl-ewwel żmien, x’aktarx li l-ekonomija tonqos b’daqstant, imbagħad fiż-żmien ta’ wara terġa’ tirkupra b’dan il-persentaġġ, liema rata tmajna xi ftit fis-sena ta’ wara imma tiba’ soda. Jew xi ħaġa simili…

Jidhirli li l-utilità ta’ dan it-tbassir tinsab l-aktar filli jservi biex jagħti idea ta’ kemm jista’ jkun kbir l-isforz meħtieġ biex nikkumpensaw għat-taqlib ekonomiku li għaddejjin minnu. Biss, fil-firxa tal-istess ħarsa li t-tbassir jagħti dwar kif se jiżviluppaw l-affarijiet hu probabbli li ma tantx jipprovdi sens tajjeb biżżejjed ta’ kif se jiżviluppaw il-ġrajjiet għax jiġġeneralizza wisq.

Nemmen li hemm bżonn ta’ dehra mill-qrib settur b’settur, ta’ kif iġġammja jew le minħabba l-kriżi; ta’ kif kull settur se jiltaqa’ ma diffikultajiet jew le biex jerġa’ jitlaq; u ta’ kif waqt li dan qed jiġri, kull settur jorbot mas-setturi l-oħra. Imbagħad minn hekk, toħroġ l-istampa ġenerali. X’aktarx li stampa deskrittiva bħal din tkun aktar meħtieġa f’ekonomija bħal ta’ Malta.

KOSTITUZZJONALI

Il-kwistjoni dwar jekk il-Bank Ċentrali Ewropew setax jaqbad u jixtri fuq skala kbira ċ-ċedoli ta’ self tal-gvernijiet Ewropej tqanqlet quddiem il-Qorti Ewropea tal-Ġustizzja u ġiet deċiża minnu. 

Id-deċiżjoni tagħha suppost treġi fil-pajjiżi kollha membri tal-Unjoni.

Il-Qorti Kostituzzjonali tal-Ġustizzja Ġermaniża reġgħet qieset il-kwistjoni u sabet li dak li għamel il-Bank Ċentrali Ewropew hu ultra vires, ma setax isir. 

Dan l-iżvilupp kien ta’ barraminnhawn għal żewġ raġunijiet: xi tkun ikkunsidrat il-Qorti Ewropea mhux suppost jerġa’ jiġi kkunsidrat; dak li tgħid, m’għandux ikun kkontestat.

Kieku kienet il-qorti kostituzzjonali ta’ Malta li għamlet hekk, x’kien jiġri?

Sport