Id-Deputat Prim Ministru u Ministru għall-Affarijiet Barranin u t-Turiżmu Ian Borg inawgura Howard House, dar ta’ 160 sena li ġiet restawrata u mibdula f’akkomodazzjoni bed and breakfast ta’ lussu fil-qalba tar-Rabat.
Waqt żjara f’dan l-istabbiliment ġdid, it-Tlieta filgħaxija, id-Deputat Prim Ministru ltaqa’ ma’ wħud mill-ewwel turisti f’din id-dar, hekk kif faħħar il-proġett għall-mod kif għaqqad flimkien il-konservazzjoni tal-wirt storiku ma’ akkomodazzjoni turistika kontemporanja u lussuża. “Howard House hija eżempju ta’ kif l-investiment privat jista’ b’mod sostenibbli jikkontribwixxi għall-prijoritajiet tal-pajjiż billi jħares il-wirt arkitettoniku filwaqt li jgħolli l-livell tal-prodott turistiku. Dan il-proġett qed jipproteġi parti mill-identità tar-Rabat filwaqt li jeleva lil Malta bħala destinazzjoni attraenti għal turisti li jfittxu esperjenzi ġenwini. Impenjati li nappoġġjaw inizjattivi bħal dawn li jiċċelebraw il-passat tagħna waqt li jibnu futur sostenibbli u ta’ kwalità ogħla għat-turiżmu f’Malta,” spjega Dr Borg.
Howard House, li ssemmiet għall-ewwel Prim Ministru Malti Joseph Howard, tinkludi fiha tmien kmamar riservati għall-adulti b’tagħmir tal-ogħla livell, kif ukoll żona ta’ rilassament u divertiment fil-beraħ fuq il-bejt, kamra għall-kolazzjon u faċilitajiet oħra għall-ospitalità. Mal-ħitan tal-post hemm kollezzjoni privata ta’ xogħlijiet minn artisti kontemporanji minn Malta u minn pajjiżi oħrajn.
Il-bini ta’ din id-dar fil-passat kien ukoll jintuża bħala uffiċċju postali. Il-familja kienet tgħix fis-sulari ta’ fuq filwaqt li s-servizzi tal-posta kienu jitmexxew mis-sular t’isfel. F’dawn l-aħħar snin, il-bini kien tħalla jintelaq tant li l-istruttura kellha ħafna ħsarat. Il-ħidma ta’ restawr u trasformazzjoni, li damet ħames snin, imxiet fuq linji gwida tar-restawr mill-aktar rigorużi, taħt is-superviżjoni tal-awtoritajiet tal-wirt kulturali u tal-ippjanar, sabiex jiġi żgurat li l-integrità kulturali u strutturali ta’ dan il-post tkun imħarsa bl-aħjar mod.
“Dan mhuwiex biss proġett t’akkomodazzjoni,” qalet sid il-propjetà Mariella Scerri, “Howard House tirrappreżenta l-impenn li nħarsu l-identità arkitettonika ta’ Malta – ħidma li saret bi mħabba sabiex nagħti sehmi lura lill-gżejjer Maltin, li tant huma għal qalbi.”