“Il-ħajja kienet iebsa”. “Tfuliti kienet xogħol biss, minn x’ħin jisbaħ sa ma jidlam. Għamilt xogħol daqs kemm għandi xagħar f’rasi”. “Ma kellniex triq oħra. Naħdmu għall-familja”. “Jekk il-missier imut żgħir jew ikun għadu jaħdem u jkollu t-tfal żgħar, trid tara x’tagħmel. Trid bilfors toħroġ taħdem. Għax inkella kif se tgħix? Id-dħul finanzjarju jkun spiċċa”.
“Ix-xogħol kien iebes… ta’ strapazz. Fil-ġebel, fl-għelieqi jew xogħol ieħor manwali. It-tbatija kienet kbira”. Il-ħajja qabel it-Tieni Gwerra Dinjija u anke wara kienet ħajja iebsa għall-aħħar. Ħajja li għall-poplu inġenerali kienet karatterizzata minn nuqqasijiet kbar u faqar. Kienet ħajja li minħabba fiha t-tfal ta’ dak iż-żmien, li huma l-anzjani ta’ llum kellhom kif jgħid il-Malti ‘jaqtgħu bi snienhom’.
U x-xogħol kien isir mis-subien għax kif qalilna anzjan, il-Qawl Malti jgħid li “għal ħafna subien lesti l-bsaten u t-tmien, għall-bniet lesti ċ-ċraret u l-biċċiet”. Is-sitwazzjoni kienet li kif imut il-missier, għandhom kemm għandhom età it-tfal, m’hemmx triq oħra għajr li jmiddu jdejhom għax-xogħol.
Fl-aħħar jiem tkellimna ma’ Lippu Dimech fid-dar tiegħu fil-Belt Valletta. Lippu li llum jgħodd 89 sena, hu Żebbuġi li ilu jgħix il-Belt Valletta 66 sena. Jitkellem fid-dettal magħna dwar ħajtu. Kif minn ta’ età żgħira ħadem għall-familja. Ra tbatija kbira. Iffaċċja l-mewt ma’ wiċċu f’inċident li kellu. Lippu imma jibqa’ jħares ‘lquddiem u jistinka. U minn serf, fi kliemu stess, illum ma jonqsu xejn.
“Xogħol sa mill-età ta’ tmien snin
….għal xejn għax il-flus kienet teħodhom ommi”
Jgħidilna li “fit-tfulija tiegħi ħriġt mill-iskola u intfajt nagħmel il-faċendi d-dar u spiċċajt maz-zija tiegħi. Din kellha r-raġel li kien il-parrinu tiegħi. Miet u spiċċajt innaddaf id-dar. Qisni serf. Illum ma ngħidx serf imma impjegat. U għamilt żmien nmur l-iskola, inmur nagħmel il-faċendi, ittini niekol u ttini ftit luminata. Kienet tgħidlu lill-flixkun ‘aħleb’. Jiġifieri jekk għandek itfagħlu jekk m’għandekx titfagħlu xejn.”
“U kienet involuta fil-ħwejjeġ din u kienet tagħti xi biċċa drapp lil ommi. Sold qatt ma tatni. Fl-Istrina forsi kont naqla’ 12-il sold u kont intihom lil ommi għax hekk kienet rabbietni. Il-parrinu tiegħi, ir-raġel taz-zija kien ikun ħdejn il-Każin ta’ San Filep fil-festa u jtini ‘six pence’ u dan kont intih lil ommi ukoll.”
“Tlaqt minn magħha u dħalt mal-baruni Manduca. Innaddaflu d-dar, jien u s-sinjura Lucy. Kienet ittini erba’ xelini fil-ġimgħa. U dawn ma kontx nieħu sold minnhom. Ommi ma kinitx ittini sold. Qatt ma qaltilna għandek dawn l-erba’ xelini hu sold minnhom.”
“Mal-baruni kont serf. Hija iż-żgħir kien jeħodlu ħsieb l-annimali. Il-baruni kien joqgħod ħdejna eżatt. Il-ħajt tiegħu tal-ġnien kien jiġi quddiem il-bieb tagħna u l-bieb naqra l-isfel għax kellu dar kbira. Dan kellu l-Knisja tal-Abbandunati. Niftakru jiġi jisma’ ‘lquddies. Niftakru joqgħod fil-bieb tas-sagristija u jara l-quddies.”
“Konna nmorru San Pawl tal-Gżejjer
naqbdu l-fniek”
“Meta kont mal-baruni kien jeħodna San Pawl tal-Gżejjer għax kien iħallas il-kera u hu kien jitlaq il-fniek u konna nmorru naqbduhom. Dan kien isir bix-xibka u bin-nemes. Qabel konna ngħaddu għalih għand dak li konna ngħidulu il-Ministru fil-Wardija. Inniżżluh magħna u nmorru tal-gżejjer bil-luzzu. Biċċa fenek qatt ma ħadt u lanqas ħadet ommi. Imma kont nieħu pjaċir.”
Lippu jkompli jirrakkonta li “wara l-baruni kont inmur maz-zija, mis-Sibt għall-Ħadd. Inniżżlilha l-affarijiet fil-kamra. Kellha biċċa kamra. Kont nieħu pjaċir. Kienet ittini ftit ikel u nagħmel il-faċendi. Jien nagħmel il-faċendi u huma reqdin.”
Waqajt minn fuq is-siġra u spiċċajt f’Lazzarett
Lippu jirrakkonta esperejnza xejn sabiħa fid-dar tal-baruni. Jgħid li “kont inmur naqta’ iż-żebbuġ għand il-baruni. Tlajt xi sular għoli jew disa’ filati u waqajt minn fuq is-siġra. Mort id-dar. Qgħadt bilqiegħda fuq l-għatba għax ommni ma kinitx hemm. U meta ġiet sabitni wara l-bieb. Għamilt tlett ijiem stordut fis-sodda. U ġabitli it-tabib u ħaduni Lazzarett u qaluli għandek il-Paraliżi. F’Lazzarett rabtuli saqajja. Għamluli biċċejt injamiet forma ta’ l-ittra L. Jien ma kelli xejn . Kull ma kelli kien stordament li baqa’ fuqi. Għamilt xahar hemm ma jarani ħadd. Għax Lazzarett ma kien jidħol ħadd. Kelli karozza minn dawk tal-match box żgħira. Kienet tagħthieli waħda minn Ħaż-Żebbuġ – kienet tfajla toqgħod ħdejna.
Meta ġejt biex noħroġ is-servjent qalli dik ma tistax’ teħodha miegħek għax tittieħed. Qalli poġġiha fuq l-armarju u poġġejtha hemm. Vanguard ċelesti kienet, għadni niftakar. U ħriġt il-barra.”
Il-faqar kien kbir….ommi qatt
ma ħallietna bil-ġuħ
Lippu, meta nsemmilu kif kienet il-ħajja dak iż-żmien jgħidli “il-faqar kien kbir. Imma ommi qatt ma ħallietna bil-ġuħ. Dejjem rat minn fejn se titmagħna. Jew minn hemm jew minn hawn minn daqshekk ma nġorrux. U anke kif kienet tlibbisna. In-nies, il-ġirien kienu jiskantaw bil-ħwejjeġ li kienet tlibbisna. Għadni niftakar lil Sunta ta’ ħdejna tgħid ‘il-kemm huma puliti.”
“Qbadt naħdem ma’ Cisju ta’ Nawwar kien bajjad u kelli erba’ xelini kuljum. Kien hemm żewġ mgħallmin u kont nagħmlilhom it-tajn u naħslilhom l-għodda. Ma stajtx inħallilhom kazzola maħmuġa jew naħdem xi naqra iktar tajn milli jmiss. Għamilt xi sena u nofs miegħu u bagħat għaliha Ġużeppi l-Mislem. Dak kien tani Lm4 fil-ġimgħa. Kont naħdem bil-pont u niddendel waħdi, miegħhi kien hemm Calafato minn Ħaż-Żebbuġ. Dawk wara xi żmien telqu. Għamilt blokk ta’ ħames faċċati, il-Gżira. Bajjadtu u kaħħaltu, jien u hu. Darba għedtlu Ġuż, kif ma tinżilx miegħi fuq il-pont. Qalli għax jien jekk jiġri xi ħaġa nibqa’ nieżel għal isfel, inti taqbad ma’ ħabel. Imbagħad waqajt żewġ sulari u korrejt. Għax fl-aħħar faċċata li tiġi quddiem l-istadium tal-Gżira, waqajt żewġ sulari u ġejt fuq l-asfalt. Dak il-ħin kienu għaddejjin l-kaorzzi tal-linja.
Ħaduni l-isptar għamilt 11-il ġurnata stordut”. Lippu jkompli għidili li “ħaduni l-isptar u għamilt 11-il ġurnata stordut. Wara 11-il ġurnata qisni qomt minn raqda. Qisni qomt minn ħolma. Skoprejt li kelli idejja miksura. L-ewwel darbga għamilt tlett xhur u qalaqhieli u ma ħadmitx. Għamilt xahar messaġġi imma l-ġog baqa’ l-istess. Reġgħu kissruhueli u erġajt għamilt tlett xhur fil-ġibs u imbagħad ġiet tajba.”
Kont inmur il-Victory Kitchen ma’ ommi
Lippu jitkellem dwar il-faqar u jgħidilna li “f’Ħaż-Żebbuġ kien hemm il-faqar. Fil-gwerra kien hemm il-Victory Kitchen. Kont inmur ma’ ommi inġibu l-ikel. Fuq il-bieb kien hemm ir-Redentur u dak għadu hemm. Konna nmorru niklu xi ħaġa u ndawwru r-rota hekk. Ikel ma kienx hemm ħafna. Imma ommi dejjem ġabitilna xi ħaġa iżjed. Għax daqqa tmur tagħmel xi ħaġa lil xi ħadd. Daqqa tmur hawn u dejjem temgħatna. L-ikel kien ikun minestra, patata moqlija mhux laħam.”
“Kif tlift lil missieri ta’ tmien snin kelli noħroġ naħdem”
Ikompli jirrakkonta li “missieri ħallieni ta’ seba’ snin. Konna sitt aħwa. Tlieta mietu. Żewġt ibniet mietu f’xahar u miet Nazju ukoll. Ġejna tlieta. Missieri kien baqqunier u kien jaħdem billi jagħmel trinka fil-barriera biex jaqtgħu blokka ġebel. Niftakru l-ġebel ġej fuq il-karettuni u imbagħad jonġruh fejn ikunu se jibnu. Missieri kien iniżżel it-trinka seba’ piedi, u kienet tkun dritta xemgħa. Saqajh fit-trinka u jpejjep is-sigaretti. Dak iż-żmien is-sigaretti kienu bla filter u bis-sigarett li kien ipejjep mar għand Alla.”
Nistaqsieh kif seħħ dan. U Lippu jispjega li “missieri kien ipejjep hu u jaħdem. B’aljenazzjoni ħaraq xufftejh bis-sigarett. U għamel sena u nofs marid biha. Dak iż-żmien l-ikel kien ikun ħobż bl-inċova u tonn mielaħ. It-tonn mielaħ kien jiħi fil-krieter. Iz-ziju tiegħi kien b’ħanut tal-merċa. Kont inmur inġib tank taż-żejt tal-45 gallun u ngerrbu fit-triq. Ma tagħmilhomx illum dawn.
Kien idaħħlu ġewwa fil-kamra u ma jtinix ħelwa. Kellu l-għalqa. Kont inmur mal-kuġin tiegħi, għax iz-zija tiegħi rabbiet żewġt itfal minn t’oħtha, tifel u tifla. Îl-ferita li kelli missieru fil-ħarqa, ikkankrat, anki minħabba l-ikel li kienu jieklu. Niftakru wiċċu kollu infaxxat, għax dan imbagħad kienu ħaduh fl-isptar Monte Carmeli. Spiċċa biex miet. Kellu 34 sena.”
Ommi kienet tintrabat minn qaddha qisha żiemel….kienet taħdem il-Filatorju
Jieqaf għal ftit u jkompli: “il-ħajja kienet iebsa ħafna. Jien naqdi biex naqla’ xi ħaġa. Konna ngħixu ġo dar. Id-dar kienet kbira. Kellna intrata. Bitħa kbira li kienet fil-forma ta’ l-ittra L. Kċina u kamra tas-sodda li fiha kienet taħdem il-Filatorju. Ommi kienet taħdem il-Filatorju, kienet tintrabat qisha żiemel u toqgħod iddur. Filatorju kien l-insiġ tat-tajjar. Hi kienet tagħmel il-ħajt biex imbagħad iħitu bih. Meta tlift lil missieri, il-ħajja ġiet iebsa ħafna. Ma kienx hemm aktar id-dħul ta’ missieri u kienet il-gwerra.”
“Fix-xelter jien u ħija konna norqdu fuq xkaffa … U ommi u ħija iż-żgħir taħtna”
“Fil-gwerra, quddiem il-baruni, għax il-baruni kellu triq tiegħu, Kellu xelter u konna ninżlu fih. Missieri peress li kien Baqqunier kien bena kamra fih billi baqqan biċċa. Jien u ħija l-kbir kienet għamlitilna xkaffa u konna norqdu fuqha f’din il-mina. Ħija ż-żgħir u ommi kienu jorqdu taħtna. Ix-xelter għadu hemm. Il-bokka tiġi ma’ l-għalqa taz-ziju Feliċ u d-dħul kien minn quddiem il-kanċell u jiġi quddiem il-knisja. Din kellha zuntier kbir u kif tinżel issib il-mina tiegħu. Issa ngħalaq hemm. Kien ikun hemm ftit nies meta konna nkunu hemm taħt. Ix-xelter ma kienx kbir ħafna”.
Waqa’ ajruplan daqs 20 jarda bogħod mix-xelter li konna fih
“Niftakar meta fil-gwerra waqa’ l-ajruplan u ġie ġo din l-għalqa taż-żiju Feliċ. Il-kanun tiegħu ma seta’ jaqilgħu ħadd. Ippruvaw jiġbduh bi krejn u għadu hemm imwaħħal fl-art. L-ajruplan naħseb li kien tal-Ingliżi. Iz-ziju tiegħi, dak li ma kienx itini sold meta nmur naqdieh, kien biegħu. Niftakar il-magni tiegħu u l-iskrun. Kien hemm ħofra kbira li kien għamel l-ajruplan meta waqa’. Aħna fix-xelter konna xi għoxrin jarda biss bogħod minnu meta ġġarraf. Niftakar wara l-knisja, dak fejn insejħulu wara t-tribuna. Hemmhekk kien hemm għadd ta’ bini imwaqqa’. F’Ħaż-Żebbuġ waqa’ ħafna bini, imma l-aktar li niftakar dak ta’ wara l-knisja.”
“Spiċċajt arrestat għax kont għaddej b’sellum bil-lejl”
U Lippu kien anke spiċċa arrestat u dan għax kien għaddej b’sellum fit-triq bil-lejl fi triqtu għad-dar. Jgħidli li “ħija kien qabad jaħdem ta’ mastrudaxxa, beda jaħdem ma’ Curmi u imbagħad rama’ għal rasu. Jien kont nagħmel xi xogħol part tajm. Kont naħdem part tajm ma’ wieħed li kien jagħmel l-inbid. Kont naqla’ sold ‘part tajm’. Jien kont indum naħdem għandu. Darba minnhom xi l-10.00 ta’ billejl kont qbadt sellum twil ta’ xi 13-il skaluna u tlaqt bih lejn id-dar. Għaddejt minn quddiem l-Għassa tal-Pulizija. Kif wasalt hemm rani Pulizija u staqsieni fejn kont sejjer. Għedtlu sejjer id-dar. Spjegajtlu li kelli biċċa xogħol. Qalli mela ma tmurx id-dar. Ħadli d-dettalji kollha u qalli ara terġa’ tagħmilha għax ma tistax bħalissa tinżel bis-sellum. Hasibni se nmur nisraq. Jien kont għaddej trankwill. Ħallejt is-sellum hemm u tlaqt lejn id-dar bil-kwiet. Kif wasalt għedt lil ommi x’kien ġara”.
“Mal-mara tiegħi sirt nies”
Jirrakkonta kif spiċċa jgħix il-Belt Valletta u dan għax kien qabad ma’ Emanuela, li mbagħad spiċċat martu. “Jien kont niġi ma ħija għax dak iż-żmien l-għarajjes ma kinux joħorġu waħidhom. Kont noħroġ ma’ ħija. Darba konna f’Tar-Ramel, jien, ħija u l-għarusa tiegħu. U hi qaltli tridx inqabbdek mal-kuġina. Jien kont nafha u għedtilha ‘iva’. U qbadt mal-mara li għandi llum.”
Jenfasizza li “mal-mara tiegħi sirt nies. Bdiet tieħu ħsiebi. Jien dejjem kont bilgħaqal u hi bil-għaqal ukoll. U imxejna. U llum nizzuħajr l-Alla ma jonqosna xejn. Bil-ħila tagħha għax dejjem għarfet kif nimxu. Sifirna u għamilna, minn kollox” jgħidilna Lippu.
ikompli



