Tuesday, June 17, 2025

ĦRUĠ TA’ €150 MILJUN – L-AKBAR ĦRUĠ KORPORATTIV LI QATT ĠIE RREĠISTRAT FIS-SUQ LOKALI

IL-ĦRUĠ TAL-BONDS TAL-BOV JINGĦALAQ WARA RISPONS QAWWI MILL-INVESTITURI

Aqra wkoll

Il-Bank of Valletta għadu kif ħabbar l-għeluq b’suċċess tal-Ħruġ ta’ Bonds Subordinati Mhux Garantiti  ta’ 5 % . Dan kien jinkludi ħruġ inizjali ta’ €100 miljun, b’għażla ta’ allokazzjoni żejda sa ammont massimu ta’ €50 miljun fil-każ ta’ sottoskrizzjoni żejda.

L-allokazzjoni inizjali ta’ €100 miljun tal-ħruġ tal-bonds ġiet sottoskritta kompletament mat-tnedija tagħha, nhar it-Tnejn, 9 ta’ Ġunju 2025. Bi tweġiba għad-domanda kbira, il-Bank eżerċita l-għażla ta’ allokazzjoni żejda, u żied l-offerta b’€50 miljun oħra. Din l-offerta estiża ttieħdet kollha wkoll, u dan irriżulta f’sottoskrizzjoni żejda. Il-ħruġ totali ta’ €150 miljun issa huwa l-akbar ħruġ korporattiv li qatt ġie rreġistrat fis-suq lokali.

Din kienet it-tieni serje taħt il-Programm ta’ Bonds fil-munita Ewro għal Terminu Medju Mhux Garantiti ta’ €250 miljun tal-Bank, approvat mill-MFSA f’Ottubru 2024. 

F’kumment dwar l-għeluq b’suċċess tal-Ħruġ tal-Bonds, Dr Gordon Cordina, Chairperson tal-BOV, innota li “r-rispons qawwi għall-offerta tal-Bank kien notevoli u jirrifletti l-fiduċja li l-Bank igawdi fis-suq tal-investituri llum. Ir-rispons kemm mill-investituri istituzzjonali kif ukoll minn dawk personali jagħtina kuraġġ biex inkomplu bil-ħidma tagħna fit-tisħiħ tal-bażi kapitali tal-Bank u fiż-żamma ta’ karta tal-bilanċ robusta, filwaqt li nipprovdu valur miżjud lill-partijiet ikkonċernati kollha tagħna.”

Il-Kap Eżekuttiv Kenneth Farrugia tenna l-kumment taċ-Chairperson, u saħaq li “dan il-Ħruġ ta’ Bonds kien ta’ suċċess u huwa stadju importanti ieħor għall-Bank of Valletta. Ir-rispons tas-suq iħeġġiġna fil-ħidma tagħna u nirringrazzjaw lill-investituri għas-sapport tagħhom. Dan isaħħaħ il-pożizzjoni b’saħħitha tagħna bħala l-Bank tal-Għażla f’Malta, u nibqgħu determinati li nibnu fuq is-suċċessi tagħna u nkomplu bil-vjaġġ lejn it-tkabbir u l-eċċellenza.

Iċ-Chairperson u l-Kap Eżekuttiv tal-Grupp esprimew l-apprezzament tagħhom għad-dedikazzjoni u x-xogħol tal-impjegati kollha li kellhom rwol ewlieni fl-eżekuzzjoni b’suċċess tal-Ħruġ tal-Bonds. Huma estendew ukoll il-gratitudni tagħhom lill-intermedjarji finanzjarji awtorizzati għall-parteċipazzjoni attiva u l-impenn tagħhom matul il-proċess kollu. Irringrazzjaw b’mod speċjali lill-investituri li l-appoġġ qawwi tagħhom wassal għal kisba storika oħra għall-Grupp.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport