HSBC Bank Malta p.l.c. żamm prestazzjoni finanzjarja soda matul l-ewwel disa’ xhur tal-2026 u kompla jippremja lill-azzjonisti b’dividend gross ta’ 4.6 ċenteżmi għal kull sehem, li jwassal id-dividend gross kumulattiv mill-bidu tas-sena għal 12.5 ċenteżmi għal kull sehem.
Geoffrey Fichte, il-Kap Eżekuttiv ta’ HSBC Bank Malta p.l.c., qal: “Il-Bank tagħna kiseb prestazzjoni b’saħħitha u reżiljenti matul l-ewwel disa’ xhur tal-2026, bi profitt aġġustat qabel it-taxxa ta’ €80 miljun. Dan kien sostnut minn domanda dejjem tikber mill-klijenti, pożizzjonijiet b’saħħithom ħafna ta’ kapital u likwidità, kif ukoll minn irkupru ta’ self antik li ma baqax jissodisfa l-obbligi tiegħu. Għalkemm il-profittabbiltà kienet affettwata mill-volatilità tas-swieq u minn spejjeż sinifikanti, il-karta tal-bilanċ tagħna kompliet tikber meta mqabbla mal-istess perjodu tas-sena li għaddiet.
“Jiena kuntent li qed inħabbar tkabbir fid-depożiti tal-klijenti u żieda ta’ 8% fil-bilanċi tal-ġestjoni tal-ġid meta mqabbla mal-istess perjodu tas-sena li għaddiet. Ksibna tkabbir qawwi fil-bejgħ tal-assigurazzjoni kummerċjali, tal-ġestjoni tal-ġid u tal-investimenti, bi tkabbir ta’ żewġ ċifri fis-self għal djar ġodda u fis-self personali.
“Nibqgħu ffukati fuq li nappoġġjaw lill-klijenti tagħna hekk kif nagħmlu progress lejn tranżizzjoni għal azzjonist maġġoritarju ġdid, CrediaBank, soġġett għall-approvazzjoni regolatorja. Kemm HSBC kif ukoll CrediaBank huma impenjati li jiżguraw tranżizzjoni bla xkiel u ordnata.”
Prestazzjoni Finanzjarja
Il-profitt qabel it-taxxa ammonta għal €69.8 miljun għad-disa’ xhur li għalqu fit-30 ta’ Settembru 2026, li jirrappreżenta tnaqqis ta’ 15% meta mqabbel mal-istess perjodu tas-sena ta’ qabel. It-tnaqqis kien jirrifletti prinċipalment ir-rati medji tal-imgħax aktar baxxi, il-volatilità tas-swieq u l-impatt ta’ spejjeż sinifikanti. Dawn il-fatturi ġew parzjalment ikkumpensati mill-progress fl-irkupru ta’ self antik li ma baqax jissodisfa l-obbligi tiegħu, inkluż irkupru sinifikanti matul il-perjodu taħt reviżjoni. Il-profitt aġġustat qabel it-taxxa ammonta għal €79.7 miljun, tnaqqis ta’ 3% meta mqabbel mal-istess perjodu tas-sena li għaddiet.
F’konformità mat-Tħabbira tal-Kumpanija HSBC467, il-Bank ikompli jħallas dividendi kull tliet xhur. Għaldaqstant, id-Diretturi qed japprovaw il-ħlas ta’ dividend interim gross ta’ 4.6 ċenteżmi għal kull sehem, li jirrappreżenta distribuzzjoni ta’ 60% tal-profitt wara t-taxxa, eskluża l-ispiża relatata mal-benefiċċji tal-impjegati msemmija fit-Tħabbira tal-Kumpanija HSBC469. Id-dividend se jitħallas fil-11 ta’ Diċembru 2026 lill-azzjonisti rreġistrati fir-reġistru tal-azzjonisti tal-Bank fl-10 ta’ Novembru 2026.
Id-dħul naqas b’€7.8 miljun, jew 5%, meta mqabbel mal-perjodu mill-1 ta’ Jannar sat-30 ta’ Settembru 2025. Dan kien dovut primarjament għal redditi aktar baxxi mis-sussidjarja tal-assigurazzjoni, li naqsu b’€4.1 miljun minħabba varjazzjonijiet sinifikanti fis-swieq matul il-perjodu; dħul nett mill-imgħax aktar baxx, li naqas b’€2.2 miljun minħabba rati medji tal-imgħax fis-suq aktar baxxi; u tnaqqis ta’ €1.4 miljun fid-dħul mill-kummerċ, wara l-livell eċċezzjonalment għoli rreġistrat fl-istess perjodu tas-sena li għaddiet. Mill-perspettiva tan-negozju sottostanti, is-sussidjarja tal-assigurazzjoni rreġistrat primjums grossi miktuba ogħla meta mqabbla mal-perjodu mill-bidu tas-sena 2025 sat-tielet kwart tal-2025. Il-bejgħ fil-qasam tal-ġestjoni tal-ġid kompla juri wkoll tkabbir qawwi, minkejja ż-żieda fil-volatilità tas-swieq u l-impatt ta’ dan fuq is-sentiment tal-investituri. Din il-prestazzjoni kienet appoġġjata minn attività kontinwa ta’ reklamar u kummerċjalizzazzjoni ffukata fuq il-Ġestjoni tal-Ġid. Il-Finanzi għall-Kummerċ żammew il-momentum qawwi tagħhom fit-tielet kwart tal-2026, appoġġjati minn żieda ta’ klijenti ġodda u użu akbar tal-faċilitajiet eżistenti. Il-garanziji taw l-aqwa prestazzjoni, u kisbu tkabbir immexxi minn domanda dejjem tikber kemm minn klijenti domestiċi kif ukoll minn klijenti internazzjonali.
Il-Bank irreġistra rilaxx ta’ telf ta’ kreditu mistenni (“ECL”) ta’ €6.9 miljun, meta mqabbel ma’ rilaxx ta’ €4.6 miljun fil-perjodu mill-1 ta’ Jannar sat-30 ta’ Settembru 2025. Ir-rilaxx tal-ECL matul il-perjodu kien prinċipalment xprunat minn irkupru ta’ self korporattiv li kien ilu pendenti u li ma baqax jissodisfa l-obbligi tiegħu, kif ukoll minn titjib fil-kwalità tal-kreditu fil-portafoll tal-klijenti personali. Il-kalkoli tal-ECL komplew jirriflettu l-inċertezza globali għolja u r-riskji ġeopolitiċi, filwaqt li l-ekonomija Maltija baqgħet reżiljenti.
L-ispejjeż ta’ l-operat żdiedu b’€7.3 miljun, jew 8%, meta mqabbla mal-perjodu mill-bidu tas-sena 2025 sat-tielet kwart tal-2025. Iż-żieda kienet xprunata primarjament minn spejjeż notevoli ta’ €9.9 miljun. Dawn kienu jinkludu prinċipalment amortizzazzjoni aċċellerata tas-software wara reviżjoni tal-ħajja utli stmata tal-assi rilevanti, minħabba t-tranżizzjoni għal CrediaBank, kif ukoll pagamenti relatati mal-impjegati marbuta mat-tilwima industrijali mal-Malta Union of Bank Employees (“MUBE”), kif imħabbar fit-Tħabbira tal-Kumpanija HSBC469. Dawn l-ispejjeż ġew parzjalment ikkumpensati minn spejjeż tal-impjegati aktar baxxi, li rriżultaw minn spejjeż irkuprati b’rabta mal-programm ta’ tranżizzjoni, kif ukoll minn iffrankar nett fi spejjeż operattivi oħra, b’mod partikolari l-onorarji professjonali.
Is-self nett u l-avvanzi lill-klijenti naqsu b’€68 miljun meta mqabbla mal-31 ta’ Diċembru 2025. Is-self korporattiv baqa’ ġeneralment stabbli matul dan il-perjodu. Għalkemm il-bilanċi kumplessivi tas-self lill-klijenti personali kienu kemxejn aktar baxxi minn dawk fl-aħħar tas-sena, il-Bank kiseb tkabbir b’żewġ ċifri fis-self personali ġdid, inkluż self għad-djar, meta mqabbel mal-perjodu mill-bidu tas-sena 2025 sat-tielet kwart tal-2025.
Id-depożiti tal-klijenti personali u kummerċjali żdiedu b’total kombinat ta’ €261 miljun meta mqabbla mal-istess perjodu tas-sena li għaddiet, anke jekk id-depożiti totali huma aktar baxxi mill-bilanċi tal-31 ta’ Diċembru 2025 minħabba movimenti staġjonali fid-depożiti korporattivi.
Il-pożizzjoni ta’ likwidità tal-Bank baqgħet b’saħħitha, u l-proporzjonijiet tal-kapital komplew jaqbżu r-rekwiżiti regolatorji b’marġini sinifikanti.
