“Mill-2013 ’il quddiem dejjem konna hemm għall-pensjonanti. U dejjem rajna li ntejbulhom il-livell tal-għajxien tagħhom.” Iddikjara dan il-Ministru għall-Politika Soċjali u l-Familja Dr Michael Falzon meta kien qed jindirizza konferenza tal-aħbarijiet b’rabta mal-miżuri tal-Budget li jolqtu lill-pensjonanti.
Il-Ministru Falzon beda billi rrefera għaż-żieda ta’ €10 fil-ġimgħa lill-pensjonanti. Huwa sostna li din hija miżura li kienet imwiegħda mill-Gvern u se tkun qiegħda tiġi mwettqa. Din se tkun żieda li tgħodd għall-pensjonanti kollha, bla distinzjoni.
Il-Ministru Falzon spjega li mill-2013 ’il quddiem, il-pensjonanti se jkunu żdiedu b’xejn inqas minn €92.40ċ fil-ġimgħa. Dan filwaqt li hemm kategoriji ta’ pensjonanti li saħansitra żdiedu aktar minn hekk.
Huwa kompla jgħid li mill-2027 ’il quddiem se ssir riforma importanti oħra, fejn se jkun permess li jsir trasferiment ta’ kontribuzzjonijiet bejn konjuġi li jkollu pensjoni għal konjuġi li ma jkollhiex pensjoni. B’din il-miżura madwar 3,200 mara se jsiru pensjonanti għall-ewwel darba.
Il-Ministru Falzon qal ukoll li d-Dħul Pensjonabbli Massimu tal-pensjonanti mwielda qabel l-1962 se jiżdied għal €28,000. Madwar 15,000 pensjonant, fosthom pensjonanti romol, se jibbenefikaw minn żieda addizzjonali.
Barra minn hekk, is-sena d-dieħla se jingħalaq il-proċess li kien beda fl-2022 bil-għan li r-romol ikunu intitolati għall-pensjoni sħiħa li kienu jirċievu l-konjuġi tagħhom, kieku baqgħu ħajjin. B’dan l-aġġustament, aktar minn 7,000 romol se jkollhom żieda oħra fil-pensjoni tagħhom u r-romol kollha issa se jkunu qed igawdu minn pensjoni sħiħa taż-żewġ terzi.
Il-Ministru Falzon żied jgħid li anomalija oħra li se titneħħa sas-sena d-dieħla hi d-diskrepanza fir-rati tal-bonus tal-għoli tal-ħajja li jitħallsu l-pensjonanti flimkien mal-pensjoni. Irrispettivament mis-sena li fiha rtiraw, kull pensjonant fl-2027 se jitħallas l-istess rata fissa ta’ €21.53 fil-ġimgħa.
Huwa rrefera wkoll għal diversi miżuri oħra fosthom li l-limitu tad-dħul minn pensjonijiet, li fuqu ma titħallasx taxxa, se jiżdied b’€520 fis-sena għal €37,624 fis-sena. Dan filwaqt li l-benefiċċju fir-rigward tal-iskema Carer at Home li titħallas lill-anzjani li jimpjegaw carer full-time se tiżdied bi €800 oħra għal €9,800 fis-sena.
Fil-kummenti tiegħu, il-Ministru Falzon tenna li “għal darb’oħra qed naraw Budget li dejjem jikber fejn jidħol il-qasam soċjali. Li jirrifletti mhux biss il-filosofija li nħaddnu bħala Gvern, li nkunu Gvern soċjali, li ngħinu lil dawk l-aktar fil-bżonn u li nkunu hemm għal kulħadd.
“Huwa budget li jagħti prova mill-aktar ċara. Minbarra li dan huwa Gvern li jżomm kelmtu, miegħu taf fejn int. Imma fuq kollox messaġġ b’saħħtu li ħareġ minn dan il-Budget huwa li Malta hija miegħek,” temm jgħid il-Ministru Falzon.
