Tuesday, November 26, 2024

ĦTIEĠA DEJJEM AKBAR GĦALL-GĦOTI TAD-DEMM

Aqra wkoll

Il-poplu Malti huwa magħruf għall-ġenerożità tiegħu. Din il-ġenerożità hija riflessa fil-maratoni ta’ ġbir ta’ fondi li jsiru minn żmien għal żmien biex jiġu megħjuna u jitnaqqsu t-tbatijiet ta’ dawk l-aktar li huma fil-bżonn fis-soċjetà tagħna. Dan kollu jgħin biex il-ħajja ta’ ħafna nies titjieb u ma jibqgħux għaddejjin mis-sofferenzi li jkunu għaddejjin minnhom. 

Jeħtieġ ukoll li din il-ġenerożità u s-solidarjetà titwettaq ukoll b’intensità akbar fejn jidħol l-għoti tad-demm. Dan huwa meħtieġ li jsir billi ħafna nies b’mard serju jiddependu kważi għalkollox fuq trasfużjoni urġenti tad-demm. L-agħar huwa li meta jkun meħtieġ dan id-demm, ma jkunx hemm biżżejjed għall-pazjenti li jeħtiġuh. 

Proprju lbieraħ kien iċċelebrat il-Jum Dinji tad-Donaturi tad-Demm. L-iskop ta’ dan il-jum huwa li jkabbar l-għarfien mhux biss dwar l-għoti tad-demm imma wkoll għalxiex jintuża d-demm tad-donaturi. Id-demm jintuża għal firxa kbira ta’ kundizzjonijiet. Fuq quddiem nett hemm it-trabi u t-tfal żgħar.

Tfal, adoloxxenti u adulti jiġu bżonn id-demm jew prodotti oħra maħruġa minnu bħala parti mill-kura kontra l-kanċer fost oħrajn. Ammont sostanzjali ta’ demm jintuża wkoll għall-operazzjonijiet maġġuri li jsiru fl-isptarijiet tagħna fosthom tal-qalb, tat-tirojde, skoljożi u ħafna kundizzjonijiet mediċi oħrajn. 

Id-demm jintuża wkoll għall-vittmi ta’ inċidenti tat-traffiku kif ukoll għal dawk li jseħħu fuq il-postijiet tax-xogħol. F’dawn l-aħħar ġimgħat smajna dwar il-ħtieġa kbira li fil-bank tad-demm ikun hemm kull tip ta’ demm biex jolqtu l-faxex kollha ta’ dawk li jiġu bżonnu. 

Filwaqt li huwa tajjeb li jkun hemm insistenza biex l-għadd ta’ donaturi jkompli jiżdied, inqisu bħala pass pożittiv ukoll iċ-ċerimonja li saret ilbieraħ filgħaxija fejn ġew rikonoxxuti d-donaturi regolari tad-demm. Dan ukoll jista’ jwassal biex jinkoraġġixxi iktar nies jersqu ‘l quddiem u ma jiddejqux li jagħtu d-demm li jista’ jkun ir-raġġ ta’ dawl għal dawk li jkunu għaddejjin minn mard serju. 

Ta’ min jenfasizza wkoll illi l-għoti tad-demm fih innifsu mhux biss huwa ġest nobbli imma wkoll iservi ta’ ġid fiżiku għal min jagħti d-demm billi jħossu aktar seren li jkun donatur u kif ukoll għas-saħħa tiegħu nnifsu. 

Sport