Friday, December 27, 2024

ĦTIEĠA LI JKOLLNA AKTAR SPAZJI ĦODOR

Aqra wkoll

Bil-għaġġla biex nibnu d-djar għall-popolazzjoni f’pajjiżna li qed dejjem tikber, konna bdejna nittraskuraw il-ħtieġa għal spazji ħodor madwarna.

Iżda x’inhuma l-ispazji ħodor? L-ispazji ħodor jistgħu jiġu definiti bħala kwalunkwe żoni barra li mhumiex pavimentati. Il-parks huma tip ta’ spazji ħodor li ħafna drabi jitqiesu bħala l-eżempju klassiku. Madankollu, mhumiex l-uniku tip; siġar fil-parkeġġi, pjazez u anke xi tipi ta’ bankini kollha jistgħu jitqiesu spazji ħodor.

F’ambjenti urbani, l-ispazji ħodor jgħinu biex inaqqsu s-sensazzjoni ta’ iffullar u klawstrofobija billi jipprovdu spazju miftuħ għan-nies biex jimxu minnu u jgawdu ─ post biex in-nies jitbiegħdu mill-istorbju u jkollhom ftit ħin għalihom infushom.

Huma jipprovdu wkoll opportunitajiet għar-rikreazzjoni, jgħinu biex itejbu s-saħħa fiżika u mentali u jtejbu l-kwalità tal-ħajja.

L-ispazji ħodor mhumiex ħela ta’ art. Hemm ħafna riċerka li turi kif l-ispazji ħodor għandhom impatt sinifikanti fuq saħħitna. L-ispazji ħodor itejbu l-kwalità tal-arja, inaqqsu l-istorbju mit-traffiku, jgħinu biex ibaxxu t-temperaturi, u jgħinu lin-nies jgħixu aktar.

Ftit aktar minn xahar ilu twaqqfet proprju l-Aġenzija Project Green bl-għan li, fis-seba’ snin li ġejjin, timplimenta bosta proġetti ambjentali madwar pajjiżna b’allokazzjoni ta’ €700 miljun. Minbarra hekk l-aġenzija nediet ukoll l-akbar skema ambjentali li qatt ra pajjiżna: €10 miljuni minn fondi Ewropej u fondi nazzjonali biex il-kunsilli lokali, l-għaqdiet tal-volontarjat u l-NGOs fl-ibliet u l-irħula, jużawhom biex jiftħu spazji miftuħa fil-postijiet fejn il-Maltin jgħixu u jaħdmu.

L-ispazji ħodor huma proprju post fejn wieħed jirrilassa u jħossu liberu. Post fejn il-bniedem jinqata’ għalih u jbatti mir-rutina. Dan ma jfissirx bilfors li jmur fi spazji enormi. Jista’ jkun sempliċi bank f’park jew ġnien sabiħ. Spazji bħal dawn li joffru lin-nies l-opportunita li jaħarbu miull-pressjonijiet tal-ħajja tagħhom ta’ kuljum.

Post fejn jilagħbu t-tfal u fejn tista’ tieħu l-annimali domestiċi. Il-logħob fil-park huwa rit ta’ passaġġ tat-tfulija. Mhijiex biss opportunità biex tagħmel xi eżerċizzju, iżda wkoll ċans li titgħallem dwar in-natura u tissoċjalizza mal-ħbieb.

Il-parks jipprovdu spazji sikuri, ħodor u arja friska għat-tfal u l-annimali domestiċi.

Post ta’ serħan għas-saħħa mentali u l-benessri fiżika. Studji juru li l-aċċess għal spazji ħodor jista’ jnaqqas b’mod sinifikanti l-istress, l-ansjetà u d-dipressjoni.

Mhuwiex sigriet li l-eżerċizzju huwa tajjeb għas-saħħa tagħna. Il-parks u l-ispazji ħodor jipprovdu żoni fejn in-nies jistgħu jeżerċitaw mingħajr periklu. Ħafna spazji miftuħa f’pajjiżna issa jinkludu wkoll firxa ta’ tagħmir tal-eżerċizzju li jintuża b’xejn.

Pożittiv huwa wkoll il-fatt li dawn il-postijiet jippermettu lill-adulti jeżerċitaw ruħhom mingħajr bżonn li jonfqu l-flus fuq sħubija f’xi ġinnasju jew għal tagħmir għali fid-dar.

Parks li jinsabu ħdejn id-djar jistgħu jipprovdu żona sigura għat-tfal fejn jilagħbu, filwaqt li parks li jinsabu ħdejn il-postijiet tax-xogħol jistgħu jintużaw bħala post għall-kwiet waqt ir-rikreazzjoni.

L-ispazji ħodor huma parti importanti mill-ekonomija tal-pajjiż. Kif ġieli għidna, dawn jipprovdu ħafna benefiċċji, inkluż arja aktar nadifa, saħħa aħjar, u kwalità tal-ħajja mtejba. Huma jtejbu wkoll is-sostenibbiltà tal-pajjiż, billi jnaqqsu l-impatt ambjentali tal-bini u s-sistemi tat-trasport fuq l-ambjent.

Illum il-ġurnata l-ispazji ħodor huma ta’ ħtieġa. Huma assi li jgħinuna nibnu komunità. Il-parks u l-ġonna jridu jsiru postijiet fejn in-nies jiltaqgħu, jissoċjalizzaw u jaqsmu l-istejjer. Postijiet fejn it-tfal jiltaqgħu u joqogħdu jilagħbu u jitgħallmu fl-istess ħin. Postijiet li jattiraw il-viżitaturi, itejbu l-kwalità tal-arja, u jnaqqsu t-tniġġis tal-istorbju.

F’pajjiż fejn l-iżvilupp tal-bini mhuwiex nieqes huwa bżonn li naħdmu bis-sħiħ għal implimentazzjoni ta’ proġetti ambjenti b’mod aktar maħsub u sostenibbli fi ħdan il-komunitajiet tagħna. Proġetti li jinvolvu infrastruttura innovattiva ħadra u blu, soluzzjonijiet ibbażati fuq in-natura, afforestazzjoni u tisbiħ ta’ żoni urbani.

Ekonomija

Sport